Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
News article | Pubblikazzjoni

Konnettività: ċavetta għar-rivitalizzazzjoni taż-żoni rurali

Il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni dwar il- “Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali” sal-2040, filwaqt li nnotat il-konnettività bħala element ewlieni biex il-komunitajiet lokali jingħataw ħajja ġdida.

Woman in grain field holding tablet

iStock photo Getty images plus

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali” tiddeskrivi l-pjan tal-Kummissjoni li tagħmel il-komunitajiet rurali tal-Ewropa konnessi aħjar u aktar sostenibbli sal-2040. Konnettività rapida u affidabbli tfisser opportunitajiet aħjar. Konnessjonijiet aħjar tal-internet jiftħu bibien għal opportunitajiet ta’ negozju online. Konnessjonijiet affidabbli u rapidi jistgħu joħolqu innovazzjonijiet ġodda fil-ħsad tal-għelejjel. Konnettività stabbli tista’ żżomm lill-familji u ġġib lin-nies lura fil-kampanja bis-saħħa ta’ xogħol mill-bogħod, telemediċina, servizzi online u innovazzjonijiet fl-agrikoltura.

Bi tħejjija għall-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni fittxet l-opinjonijiet taċ-ċittadini u n-negozji Ewropej dwar l-isfidi u l-opportunitajiet għaż-żoni rurali. F’Ġunju 2021, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tal-Ewrobarometru dwar iż-żoni rurali. Fl-istħarriġ, 26 % tal-Ewropej qalu li l-infrastruttura diġitali, bħall-broadband u l-aċċess għall-internet, hija ħtieġa ewlenija li għandha tiġi indirizzata fiż-żoni rurali. Bl-istess mod, 93 % tar-rispondenti għall-konsultazzjoni dwar il- “Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali” jemmnu li matul l-20 sena li ġejjin, l-attraenza taż-żoni rurali se tiddependi fuq il-konnettività diġitali disponibbli. 94 % qalu li se jiddependi fuq id-disponibbiltà ta’ Servizzi bażiċi u elettroniċi. 

Il-kampanja tal-Ewropa tinsab fil-qalba tal-produzzjoni agrikola tagħna, tat-tradizzjonijiet profondi tagħna u tar-riżorsi naturali rikki tagħna. Madankollu, iż-żoni rurali madwar l-Ewropa kollha għadhom lura f’dak li għandu x’jaqsam mal-kopertura tal-broadband veloċi u ta’ kwalità. Għall-komunitajiet remoti, sfida bħal din tissarraf f’nuqqas ta’ servizzi u qgħad mifrux. Bħalissa, 60 % biss tal-unitajiet domestiċi rurali tal-UE għandhom aċċess għall-internet b’veloċità għolja, meta mqabbel mal-medja totali tal-UE ta’ 86 %. 48 % biss tar-residenti rurali għandhom mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi, meta mqabbla ma’ 62 % tal-popolazzjoni urbana. Konnessjonijiet affidabbli huma element meħtieġ għar-rivitalizzazzjoni ta’ rħula remoti billi jarrikkixxu l-ġabra ta’ riżorsi disponibbli, kif ukoll jattiraw negozji, familji u viżitaturi ġodda.

Diġitali għaż-żoni rurali

Il-Kummissjoni qed tiżgura li timmira l-isfidi u l-potenzjali tal-kampanja tal-Ewropa fl-ambizzjonijiet tagħha għal futur iffaċilitat diġitalment. Biex itejbu l-konnettività, l-Istati Membri jistgħu jużaw il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li 20 % minnha jenħtieġ li tkun iddedikata għat-tranżizzjoni diġitali, biex jiġu introdotti f’waqthom networks b’kapaċità għolja ħafna. Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll mill-qrib mal-Istati Membri li żviluppaw sett ta’ għodod għall-Konnettività li jidentifika sett ta’ miżuri li huma l-aktar effiċjenti fit-titjib tal-introduzzjoni ta’ networks veloċi.

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa proposta mill-Kummissjoni, jew il-FNE, qed tistenna qbil finali mill-koleġiżlaturi biex tappoġġa l-investiment fin-netwerks tal-infrastruttura diġitali, flimkien mat-trasport u l-enerġija. B’mod partikolari, il-programm ta’ finanzjament jara EUR 2 biljun investiti biex tiġi żviluppata l-konnettività madwar l-UE, inkluż f’żoni remoti u rurali.

Aktar minn hekk, qed jitwaqqaf netwerk ta’ Uffiċċji ta’ Kompetenza fil-Broadband (BCOs) madwar l-Ewropa biex jinforma liċ-ċittadini, lin-negozji u lill-awtoritajiet pubbliċi dwar l-opportunitajiet biex jiżviluppaw u jimplimentaw il-broadband fir-reġjuni tagħhom. Dawn joffru informazzjoni dwar is-sorsi ta’ investiment, is-sħab tal-proġetti u l-kopertura tal-broadband. 

Konnettività stabbli u rapida tippermetti soluzzjonijiet innovattivi fl-agrikoltura. Il-Kummissjoni kienet qed tiffinanzja innovazzjonijiet fl-agrikoltura, tiżviluppa u tiffaċilita l-kondiviżjoni tad-data biex tottimizza l-użu tar-riżorsi u tittestja applikazzjonijiet ġodda tal-IoT fil-biedja.

Aktar informazzjoni

Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali: għal żoni rurali tal-UE aktar b’saħħithom, konnessi, reżiljenti u prosperi (stqarrija għall-istampa b’rabta mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Mistoqsija u Skeda Informattiva)