Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Press release | Pubblikazzjoni

Summit bejn l-UE u l-Ġappun: insaħħu s-sħubija tagħna

Il-Ġappun huwa wieħed mill-eqreb alleati tal-UE. Dan ġie affermat mill-ġdid matul it-28 Summit bejn l-UE u l-Ġappun li sar il-Ħamis f’Tokjo mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel u l-Prim Ministru tal-Ġappun Fumio Kishida.

photo of Charles michel, Fumio Kishida, Ursula von der Leyen at the common press conference

European Union, 2022

F’din id-dinja dejjem aktar imprevedibbli, l-UE tfittex li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha ma’ sħab tal-istess fehma. Illum, l-UE u l-Ġappun ħadu passi importanti biex imexxu r-relazzjonijiet tagħhom ‘l quddiem, mit-teknoloġiji diġitali, il-kummerċ u l-investimenti, l-azzjoni klimatika, il-protezzjoni tal-bijodiversità, l-iżvilupp sostenibbli kif ukoll is-sigurtà.

Fil-kummenti għall-istampa tagħha, il-President von der Leyen, qalet:

L-UE u l-Ġappun għandhom ħafna affarijiet komuni. Naturalment il-valuri tagħna — id-demokrazija u l-istat tad-dritt. Il-mudell ekonomiku tagħna. Kif ukoll ċerta viżjoni tad-dinja. It-tnejn li aħna nippromwovu sistema globali multilaterali, ibbażata fuq regoli mfassla biex jipproteġu u jkunu ta’ benefiċċju għal kulħadd. U huwa preċiżament minħabba li din il-viżjoni spiss tiġi sfidata llum, li l-UE qed tfittex li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha ma’ sħab tal-istess fehma, bħall-Ġappun. F’dan is-summit, iddiskutejna modi kif napprofondixxu s-sħubija tagħna. B’linji konkreti ta’ ħidma li se joħolqu opportunitajiet għall-ekonomiji tagħna u għaċ-ċittadini tagħna. U fl-istess ħin, dan se jgħinna nindirizzaw l-isfidi li r-reġjuni tagħna qed iħabbtu wiċċhom magħhom.

Fis-Summit, l-UE u l-Ġappun ikkonkludew Sħubija Diġitali, l-ewwel waħda li l-UE tiffirma ma’ pajjiż sieħeb. Forum li se jagħti direzzjoni politika u impetu għal ħidma konġunta dwar it-teknoloġiji diġitali f’oqsma bħal teknoloġiji siguri tal-5G, “Lil hinn mill-5G”/6G, applikazzjonijiet sikuri u etiċi tal-intelliġenza artifiċjali, jew ir-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista globali fl-industrija tas-semikondutturi.

Huma qablu wkoll li jibdew uffiċjalment taħditiet esploratorji dwar l-assoċjazzjoni ma’ Orizzont Ewropa, u li jżidu aktar l-implimentazzjoni tal-Alleanza Ekoloġika bejn l-UE u l-Ġappun.

Huma laqgħu l-finalizzazzjoni tan-negozjati dwar Ftehim Orizzontali dwar l-Avjazzjoni u ser jaħdmu lejn l-istabbiliment bikri ta’ arranġamenti ta’ sigurtà tal-avjazzjoni b’waqfa waħda. L-UE u l-Ġappun qablu dwar passi ulterjuri biex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-potenzjal tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika biex jiġi appoġġat l-irkupru ekonomiku ta’ wara l-pandemija. L-istrateġija tal-Global Gateway tal-UE tiftaħ opportunitajiet ġodda għall-kooperazzjoni u l-investimenti f’infrastruttura sigura u sostenibbli fir-reġjun Indo-Paċifiku u bnadi oħra, b’mod partikolari fuq proġetti konkreti.

Il-mexxejja ddiskutew l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna u x-xokkijiet tagħha madwar id-dinja, kif ukoll l-iżviluppi fir-reġjun Indo-Paċifiku. Ir-rispons komuni tal-UE u tal-Ġappun għall-gwerra fl-Ukrajna juri d-determinazzjoni kondiviża fid-difiża tal-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u l-multilateraliżmu effettiv.

Aktar informazzjoni