Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Event report | Pubblikazzjoni

L-aħħar laqgħa tad-djalogu dwar l-aċċess għall-kontenut awdjoviżiv u d-disponibbiltà tiegħu madwar l-UE

Il-Kummissjoni organizzat l-aħħar laqgħa tad-djalogu dwar l-aċċess għall-kontenut awdjoviżiv u d-disponibbiltà tiegħu madwar l-UE u identifikat segwitu mal-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati.

photo of a camera with microphone with laptops and computer screens in the background

iStock photo Getty images plus

Il-Kummissjoni laqgħet il-kontributi ppreżentati mill-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, filwaqt li rrikonoxxiet l-ambitu wiesa’ u n-nuqqas ta’ konkretezza ta’ xi wħud mill-kontribuzzjonijiet. Il-Kummissjoni għalhekk ipproponiet li tiffoka d-diskussjoni fuq għadd limitat ta’ proposti, filwaqt li tqis ir-rilevanza u l-valur miżjud Ewropew tagħhom. 

Abbażi ta’ dawn il-proposti, il-Kummissjoni ddiskutiet it-triq’ il quddiem mal-parteċipanti u identifikat oqsma għall-azzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati: l-ewwel nett, li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni tul il-katina tal-valur sabiex jiġi ffaċilitat l-isfruttament online tal-films; it-tieni, li jiġu żviluppati prattiki innovattivi dwar l-aċċess transkonfinali għall-films tal-katalgu biex jiżdied il-valur kulturali tagħhom u l-esponiment tagħhom għaċ-ċittadini tal-UE; u fl-aħħar nett biex jittejjeb il-ġbir tad-data dwar films iffinanzjati pubblikament. Il-Kummissjoni ħeġġet lill-parteċipanti biex joħorġu b’azzjonijiet konkreti f’dawn l-oqsma, li jistgħu jiġu appoġġati finanzjarjament permezz ta’ sejħiet li ġejjin taħt il-fergħa MEDIA ta’ Ewropa Kreattiva.

Id-djalogu kkonferma wkoll li d-disponibbiltà ta’ kontenut awdjoviżiv għandha tiġi vvalutata f’kuntest usa’ tas-suq, b’kont meħud tad-domanda għal u l-iskoperta ta’ tali kontenut. Ir-rapport li jmiss tal-Kummissjoni dwar is-swieq tal-media, il-Media Outlook, se jipprovdi għarfien mhux biss dwar id-disponibbiltà, iżda wkoll dwar l-imġiba u l-preferenzi tal-udjenza, inkluża l-iskopribbiltà. Dan jista’ jgħin biex imexxi riflessjonijiet futuri dwar kif tista’ tingħata spinta lill-kompetittività ġenerali tal-films, is-sensiliet u d-dokumentarji tal-UE barra mis-swieq domestiċi.

Dalwaqt ser jiġi ppubblikat rapport ta’ sinteżi mil-laqgħa finali.

Sfond

Kif imħabbar fil-Pjan ta’ Azzjoni Medjatiku u Awdjoviżiv, il-Kummissjoni organizzat diversi laqgħat ma’ assoċjazzjonijiet fil-livell tal-UE li jirrappreżentaw l-ilħna differenti tas-settur AV, kif ukoll il-konsumaturi, biex tiddiskuti, u taqbel dwar passi konkreti biex jitrawwem l-aċċess għall-kontenut awdjoviżiv u d-disponibbiltà tiegħu madwar l-UE. Il-Kummissjoni stiednet lill-parteċipanti kollha biex jidentifikaw azzjonijiet konkreti u jimpenjaw ruħhom li jimplimentawhom. Filwaqt li d-djalogu inizjalment iffoka fuq ix-xogħlijiet awdjoviżivi kollha, il-proposti riċevuti kienu prinċipalment ibbażati fuq iċ-ċirkolazzjoni tal-films tal-UE.

Related content