Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Press release | Pubblikazzjoni

Aktar minn EUR 250 miljun biex tiġi appoġġata l-konnettività sigura madwar l-UE taħt il-Programm Diġitali tal-FNE

Il-Kummissjoni ffirmat ftehimiet ta’ għotja ma’ 37 proġett magħżula taħt it-tieni sett ta’ sejħiet għal proposti għall-fergħa diġitali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE Diġitali).

Over €250 million to support secure connectivity across the EU under the CEF Digital Programme

iStock photo Getty images plus

Il-baġit totali ta’ EUR 252 miljun se jiġi allokat fost il-proġetti għall-implimentazzjoni tal-infrastruttura tal-5G għall-komunitajiet lokali u tul il-kurituri Ewropej ewlenin tat-trasport, kif ukoll għall-implimentazzjoni ta’ kejbils sottomarini, li jtejbu s-sigurtà u r-reżiljenza tan-networks ċentrali fl-UE u lejha.

Fost il-proġetti appoġġati, l-UE se tikkofinanzja l-użu ta’ kejbils tal-baħar biex tipprovdi interkonnessjoni akbar bejn l-Irlanda u l-UE kontinentali, kif ukoll bejn l-UE u r-reġjuni ultraperiferiċi tagħha fl-Oċean Atlantiku. L-għotjiet se jappoġġaw ukoll konnessjoni trans-Artika diretta bejn l-UE u l-Lvant Imbiegħed, jipprovdu infrastruttura ta’ konnettività b’kapaċità għolja lill-gżejjer Griegi b’nuqqas ta’ servizz diġitali fil-Mediterran, u jsaħħu l-konnettività mal-Afrika. Fost il-proġetti ffinanzjati, l-UE se tappoġġa wkoll infrastruttura 5G valida għall-futur tul awtostradi, toroq, ferroviji u passaġġi fuq l-ilma interni transfruntiera. Il-proġetti tal-kurituri tal-5G se jwittu t-triq għal Mobbiltà Konnessa u Awtomatizzata (CAM) u servizzi relatati ta’ sikurezza u mhux ta’ sikurezza, filwaqt li jiżguraw il-kontinwità tas-servizz transfruntier.

Fl-aħħar nett, l-għotjiet jappoġġaw l-adozzjoni tal-infrastruttura tan-network 5G f’komunitajiet intelliġenti lokali madwar l-UE, bħal universitajiet, sptarijiet, u bini ċiviku ieħor, biex tittejjeb il-kwalità tas-servizzi ta’ interess ġenerali.

It-tielet sett ta’ sejħiet għal proposti taħt il-FNE Diġitali bħalissa huwa miftuħ għall-preżentazzjoni sal-20 ta’ Frar 2024.

Aktar informazzjoni

Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE Diġitali)