
GettyImages © imaginima
Ir-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku għandu l-għan li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern, online u offline, billi jelimina l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħrajn ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-istabbiliment. Il-prattiki ta’ mblukkar ġeografiku jseħħu meta n-negozjanti jimblukkaw jew jirrestrinġu l-aċċess għall-interfaċċi online tagħhom, bħal siti web u apps, għal klijenti minn Stati Membri oħrajn li jkunu qed ifittxu li jidħlu fi tranżazzjonijiet transfruntiera. Dan iseħħ ukoll meta n-negozjanti japplikaw kundizzjonijiet ġenerali differenti skont ir-residenza, in-nazzjonalità jew l-istabbiliment tal-klijenti jew inkella jipprevjenu lill-klijenti transfruntiera milli jiffinalizzaw ix-xiri jew jaċċessaw il-prodott jew is-servizz.
Bħala parti mill-proċess ta’ evalwazzjoni standard tagħha, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk ir-Regolament laħaqx l-objettivi tiegħu b’mod effettiv. Is-sejħa għall-evidenza tistieden lill-partijiet ikkonċernati, inklużi l-konsumaturi, in-negozji, u l-awtoritajiet nazzjonali, biex jaqsmu l-fehmiet u l-esperjenzi tagħhom rigward l-implimentazzjoni u l-impatt tar-Regolament.
L-iżgurar ta’ suq intern li jiffunzjona tajjeb huwa prijorità ewlenija għall-Kummissjoni Ewropea. L-evalwazzjoni se tgħin biex jiġi ddeterminat jekk humiex meħtieġa aktar miżuri biex jiġu indirizzati l-ostakli li fadal u biex jissaħħaħ il-kummerċ transfruntier fl-UE.
Il-partijiet ikkonċernati jistgħu jissottomettu l-kontributi tagħhom permezz tal-portal Semma’ Leħnek.
Sib aktar informazzjoni dwar l-Imblukkar Ġeografiku u r-Regolament.