Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Press release | Pubblikazzjoni

L-ewwel skema ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà fl-UE kollha biex l-ispazju diġitali Ewropew isir aktar sikur

Il-Kummissjoni adottat l-ewwel skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, f’konformità mal-Att tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà. L-iskema toffri sett ta’ regoli u proċeduri għall-Unjoni kollha dwar kif għandhom jiġu ċċertifikati l-prodotti tal-ICT fiċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom u b’hekk tagħmilhom aktar affidabbli għall-utenti.

European Union Agency for Cybersecurity (ENISA)

Iċ-ċertifikazzjoni tipprovdi rikonoxximent formali li l-prodotti tal-ICT jistgħu jiġu fdati biex jipproteġu kemm l-hardware kif ukoll is-software li ċ-ċittadini qed jużaw kuljum.

Thierry Breton, il-Kummissarju għas-Suq Intern, qal: 

F’xenarju ta’ theddid taċ-ċibersigurtà dinamiku ħafna, qed nagħmlu passi biex inżidu r-reżiljenza ċibernetika kollettiva tagħna. Illum, qed inniedu qafas ġdid biex niżguraw li l-prodotti li nużaw f’xi wħud mill-aktar ambjenti sensittivi, bħar-routers u l-karti tal-identità, ikunu ċibersiguri. Irridu li ċ-ċittadini, in-negozji u s-settur pubbliku tagħna jkunu jistgħu jafdaw il-prodotti li jiddependu fuqhom biex jiżguraw in-networks tagħhom u jipprovdu servizzi pubbliċi sensittivi. 

L-iskema volontarja se tikkomplementa l-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika li jintroduċi rekwiżiti vinkolanti taċ-ċibersigurtà għall-prodotti kollha tal-hardware u tas-software fl-UE. Dan il-pass ewlieni jikkontribwixxi għat-trawwim tat-tmexxija diġitali globali tal-Ewropa. Barra minn hekk, l-iskema se tagħti spinta wkoll lill-implimentazzjoni tad-Direttiva NIS2.

L-iskema ser tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE fi żmien qasir u ser tidħol fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni. Flimkien mal-pubblikazzjoni tal-iskema taċ-ċertifikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali, il-Kummissjoni se tippubblika wkoll l-ewwel Programm ta’ Ħidma Kontinwu tal-Unjoni għaċ-ċertifikazzjoni Ewropea taċ-ċibersigurtà. Dan id-dokument jistabbilixxi viżjoni strateġika u riflessjonijiet dwar oqsma possibbli għal skemi futuri Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà b’kunsiderazzjoni tal-iżviluppi leġiżlattivi u tas-suq reċenti.

L-iskema adottata hija bbażata fuq abbozzi mħejjija mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) f’kooperazzjoni mill-qrib mal-esperti tal-industrija u l-Istati Membri, wara diskussjonijiet tekniċi u legali, kif ukoll konsultazzjoni pubblika.

Aktar informazzjoni

Related content