Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Digibyte | Pubblikazzjoni

Solidarjetà mal-Ukrajna: Programm Ewropa Diġitali miftuħ għall-Ukrajna biex taċċessa sejħiet għal finanzjament

Din il-ġimgħa, il-Kummissjoni Ewropea ffirmat ftehim biex l-Ukrajna tiġi assoċjata mal-Programm Ewropa Diġitali. Minn issa ‘l quddiem, in-negozji, l-organizzazzjonijiet u l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ukreni se jkunu jistgħu jaċċessaw is-sejħiet mill-Programm Ewropa Diġitali, li għandu baġit globali ta’ EUR 7.5 biljun għall-perjodu 2021–2027.

photo of the ukranian flag against a cloudy sky

iStock photo Getty images plus

Margrethe Vestager, il-Viċi President Eżekuttiv għal Ewropa Lesta għall-Era Diġitali, qalet:

L-Ukrajna wriet reżiljenza u rieda teknoloġika notevoli fl-indirizzar tal-invażjoni tar-Russja, anke fl-ispazju diġitali. B’dan il-ftehim, l-UE u l-Ukrajna se jibbenefikaw mill-għarfien espert ta’ xulxin u se jespandu l-kapaċitajiet diġitali tagħna.

Thierry Breton, il-Kummissarju għas-Suq Intern, qal:

Nilqa’ bil-qalb il-konklużjoni tal-lum tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni tal-Ukrajna mal-Programm Ewropa Diġitali. Dan se jkun strumentali biex in-negozji, ir-riċerkaturi u l-awtoritajiet pubbliċi Ukreni jitqarrbu lejn l-UE f’termini tal-bini ta’ infrastrutturi diġitali komuni, kif ukoll fit-trawwim tat-trasformazzjoni diġitali għall-benefiċċju tal-poplu tagħna. Se ssaħħaħ ukoll il-kapaċitajiet diġitali reċiproċi tagħna u timmitiga t-tfixkil li ġabet magħha l-aggressjoni Russa.

B’mod partikolari, l-Ukrajna se tkun tista’ tapplika għal finanzjament u appoġġ għal proġetti f’oqsma ta’ kapaċità ewlenin: is-supercomputing, l-intelliġenza artifiċjali, il-ħiliet diġitali avvanzati, u l-iżgurar ta’ użu wiesa’ tat-teknoloġiji diġitali fl-ekonomija u fis-soċjetà kollha, inkluż permezz tal-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali. L-objettivi u l-oqsma tematiċi speċifiċi li bħalissa huma eliġibbli għall-finanzjament huma spjegati fid-dettall fil-Programmi ta’ Ħidma. Aktar informazzjoni hija disponibbli fil-Programm Ewropa Diġitali u kif tapplika għall-finanzjament. Il-finanzjament tal-UE huwa disponibbli wkoll għall-Ukrajna permezz ta’ programmi oħra tal-UE, bħal Orizzont Ewropa