
iStock photo Getty images plus
Id-Deċiżjoni tispeċifika l-arranġamenti ta’ ħidma: L-awtorità regolatorja tal-Ukrajna se tieħu sehem fil-ħidma ta’ kuljum tal-Bord tar-regolaturi tal-BEREC, mingħajr id-dritt tal-vot, filwaqt li fl-istess ħin l-Ukrajna tista’ taħtar esperti biex jingħaqdu fil-gruppi ta’ ħidma tal-BEREC fl-oqsma, fost l-oħrajn, tar-roaming, tar-regolamentazzjoni tas-suq, u tar-regolamentazzjoni diġitali ġenerali. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq il-ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-Ukrajna u l-UE, li permezz tiegħu ż-żewġ naħat impenjaw ruħhom li jappoġġaw l-allinjament tal-liġijiet tal-Ukrajna mal-liġijiet tal-UE dwar il-komunikazzjoni elettronika u li jippromwovu l-kooperazzjoni bejn ir-regolatur nazzjonali tal-Ukrajna u r-regolaturi nazzjonali madwar l-Istati Membri tal-UE.
Thierry Breton, il-Kummissarju għas-Suq Intern, qal:
Huwa aktar importanti minn qatt qabel li l-Ukrajna tinżamm qrib kemm jista’ jkun tas-suq uniku tal-UE. Għalhekk ninsab kuntent li nilqa’ lir-regolatur Ukren fil-BEREC. Dan se jippermetti kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar kwistjonijiet ta’ konnettività fl-emerġenza attwali u se jwitti t-triq biex ir-regoli tal-Ukrajna għall-komunikazzjonijiet elettroniċi jinġiebu eqreb lejn il-qafas tat-telekomunikazzjoni tal-UE.
Annemarie Sipkes, President tal-BEREC, qalet:
Il-BEREC u l-NRAs membri tiegħu diġà stabbilew relazzjoni eċċellenti mal-kollegi tagħna mill-NCEC, kif ġie enfasizzat reċentement mill-kooperazzjoni tagħna fir-rigward tat-tariffi tar-roaming u azzjonijiet konġunti mill-operaturi Ukreni u tal-UE biex tiġi żgurata konnettività affordabbli għar-refuġjati Ukreni. Ninsabu kuntenti ħafna li nilqgħu l-NCEC fil-familja tal-BEREC tagħna biex tingħaqad magħna fil-proġett tagħna biex nistabbilixxu suq diġitali Ewropew wieħed, nippromwovu konnettività sħiħa u nagħtu s-setgħa lill-utenti finali.
Aktar kmieni din is-sena, l-operaturi tat-telekomunikazzjoni bbażati fl-UE u fl-Ukrajna ffirmaw dikjarazzjoni konġunta biex jiżguraw u jistabbilizzaw ir-roaming affordabbli jew bla ħlas u t-telefonati internazzjonali bejn l-UE u l-Ukrajna, u b’hekk jgħinu lill-Ukreni spostati madwar l-Ewropa biex jibqgħu f’kuntatt mal-familja u l-ħbieb lura f’pajjiżhom u biex ikollhom aċċess għal informazzjoni affidabbli. Il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew iffaċilitaw din id-dikjarazzjoni konġunta li l-BEREC issa qed jimmonitorja.