Filwaqt li t-teknoloġiji kwantistiċi se jġibu magħhom ħafna benefiċċji ekonomiċi u soċjetali, l-avvanzi fil-computing kwantistiku huma mistennija jagħmluha aktar faċli għal atturi malizzjużi biex jaċċessaw data sensittiva, sakemm ma navvanzawx il-kriptografija tagħna.
Huwa vitali li l-komunikazzjonijiet jibqgħu protetti fil-futur għas-sigurtà taċ-ċittadini, is-soċjetajiet, l-ekonomiji tagħna u s-suq uniku diġitali tal-UE. Il-Kriptografija ta’ Wara l-Quantum hija waħda mis-soluzzjonijiet għal din it-theddida futura, peress li hija bbażata fuq problemi matematiċi li huma diffiċli anke għall-kompjuters kwantistiċi biex isolvu. Bħala soluzzjoni bbażata fuq is-softwer, il-kriptografija ta’ wara l-quantum hija kompatibbli mal-infrastrutturi eżistenti tagħna f’diversi setturi, u għalhekk tista’ tintuża relattivament malajr.
Ir-Rakkomandazzjoni tindirizza l-ħtieġa għal approċċ ikkoordinat għat-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn infrastruttura diġitali kwantistika sikura. Dan se jgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija konsistenti hekk kif jemigraw lejn modi aktar siguri ta’ protezzjoni tal-infrastrutturi diġitali tagħhom. Dan se jippromwovi l-interoperabbiltà bejn il-pajjiżi, biex b’hekk is-sistemi u s-servizzi jkunu jistgħu jiffunzjonaw bla xkiel bejn il-fruntieri.
Ir-Rakkomandazzjoni tikkomplementa l-ħidma li diġà qed issir minn ħafna pajjiżi u fil-livell internazzjonali biex jiġu żviluppati u magħżula algoritmi ta’ kriptografija postkwantistika għall-istandards, inklużi l-isforzi ta’ riċerka li saru minn proġetti ffinanzjati mill-UE, ir- rapport reċenti mill-Aġenzija Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA), u d-diskussjonijiet dwar il-kriptografija postkwantistika fil-livell internazzjonali, bħal fil-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti u d-Djalogu Ċibernetiku.
Aktar informazzjoni
Rakkomandazzjoni dwar il-Kriptografija ta’ Wara l-Kwantum