Din l-inizjattiva tagħmel il-baned 900 MHz u 1 800 MHz disponibbli għall-użu wkoll minn applikazzjonijiet 5G. Dan se jippermetti konnettività aħjar għal applikazzjonijiet kritiċi fil-monitoraġġ, id-dijanjożi u l-kura tas-saħħa; djar intelliġenti u konsum ottimizzat tal-enerġija; u mobbiltà konnessa u awtomatizzata għal sistemi tat-trasport aktar sikuri u effiċjenti.
Flimkien mal- “baned pijunieri” armonizzati għall-5G, il-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju identifika l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-baned tal-frekwenzi diġà armonizzati għall-2G, il-3G u l-4G ikunu adattati wkoll għall-użu tal-5G. Skont il-Pjan ta’ Azzjoni tal-5G, sal-2025, in-networks 5G jenħtieġ li jkopru ż-żoni urbani kollha u r-rotot ewlenin tat-trasport.
Il-Kummissjoni adottat ukoll deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tekniċi għall-użu tal-ispettru għat-tagħmir għal meded qosra u għall-Wi-Fi.
Konnettività avvanzata u mtejba hija mira ewlenija tad-Deċennju Diġitali tal-2030 propost mill-Kummissjoni, fejn il-5G jenħtieġ li jkopri ż-żoni popolati kollha u l-unitajiet domestiċi kollha tal-UE jenħtieġ li jkollhom aċċess għall-konnettività tal-gigabits sal-2030. Networks aġġornati, rapidi u affidabbli se jkunu l-ixprun għat-trasformazzjoni diġitali f’waqtha u biex jippermettu servizzi u prodotti aħjar madwar l-Ewropa.