Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Press release | Pubblikazzjoni

Il-Kummissjoni tiftaħ sejħiet b’valur ta’ EUR 107 miljun biex issaħħaħ iċ-ċibersigurtà tal-Ewropa

Illum, il-Kummissjoni nediet stedina lill-kumpaniji, lill-amministrazzjonijiet pubbliċi u lil organizzazzjonijiet oħra biex iressqu proposti mmirati biex jagħtu spinta lir-reżiljenza tal-UE kontra t-theddid ċibernetiku u l-kapaċità tagħha li tipproteġi, tidentifika, tiddefendi u tiskoraġġixxi l-attakki ċibernetiċi, kif ukoll issaħħaħ il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri.

photo of a person working in a cybersecurity centre working looking at a screen

iStock photo Getty images plus

Il-Kummissjoni u ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza fiċ-Ċibersigurtà (ECCC) fetħu sejħa ġdida għal proposti, b’valur totali ta’ EUR 71 miljun taħt il-Programm ta’ Ħidma Ewropa Diġitali 2023–2024, għal azzjonijiet taċ-ċibersigurtà biex jissaħħu l-kooperazzjoni operazzjonali u l-kapaċitajiet konġunti mal-Istati Membri fil-livell tal-UE.

Minn dan l-ammont, EUR 35 miljun se jiġu ddedikati għall-istabbiliment tal-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza taċ-Ċibersigurtà, li se jappoġġa t-tħejjija tal-Istati Membri u l-azzjonijiet ta’ assistenza reċiproka f’inċidenti ċibernetiċi, kif inkluż ukoll fl-Att propost tal-UE dwar is-Solidarjetà Ċibernetika. Biex tiġi żgurata ċibersigurtà aktar b’saħħitha għall-industrija, in-negozji ġodda u l-SMEs madwar l-UE, EUR 30 miljun se jappoġġaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva NIS2 u l-Att propost tal-UE dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika. Azzjonijiet ta’ appoġġ addizzjonali ta’ EUR 6 miljun se jrawmu l-koordinazzjoni bejn l-isferi ċivili u tad-difiża taċ-ċibersigurtà, kif ukoll l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-istandardizzazzjoni. Is-sejħa hija miftuħa sas-26 ta’ Settembru 2023 għal entitajiet mill-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE.

Fl-istess ħin, is-sejħa preċedenti reġgħet infetħet sas-6 ta’ Lulju 2023, biex jinħolqu opportunitajiet addizzjonali għall-bqija tal-baġit totali ta’ EUR 36,5 miljun. Dan ikopri s-suġġetti tar-Reżiljenza, il-Koordinazzjoni u ċ-Ċibersigurtà (EUR 3,4 miljun), il-Bini tal-Kapaċità għaċ-Ċentri tal-Operazzjonijiet tas-Sigurtà (EUR 26,3 miljun) u l-Użu ta’ Soluzzjonijiet Innovattivi taċ-Ċibersigurtà (EUR 6,8 miljun).

Aktar informazzjoni dwar il-Programm Ewropa Diġitali