L-att dwar id-Data se jiżgura l-ġustizzja fl-ambjent diġitali billi jiċċara min jista’ joħloq valur mid-data u taħt liema kundizzjonijiet. Dan se jistimula wkoll suq tad-data kompetittiv u innovattiv billi jiftaħ id-data industrijali, u billi jipprovdi ċarezza legali fir-rigward tal-użu tad-data.
Margrethe Vestager, il-Viċi President Eżekuttiv għal Ewropa Lesta għall-Era Diġitali, qalet:
Illum huwa pass importanti fil-vjaġġ tagħna ta’ trasformazzjoni diġitali. Permezz ta’ leġiżlazzjoni definita sew dwar id-data, aħna poġġejna lill-utent fil-kontroll tal-kondiviżjoni tad-data ġġenerata mill-apparati konnessi tiegħu, filwaqt li niżguraw il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u nissalvagwardjaw id-dritt fundamentali Ewropew għall-privatezza.
Thierry Breton, il-Kummissarju għas-Suq Intern, qal:
Id-dħul fis-seħħ tal-Att dwar id-Data huwa pass ewlieni fl-isforzi tagħna biex insawru l-ispazju diġitali. Dan se jrawwem ekonomija tad-data tal-UE b’saħħitha li tkun innovattiva u miftuħa — bil-kundizzjonijiet tagħna. Iċ-ċittadini u n-negozji Ewropej se jibbenefikaw mill-ġid ta’ data industrijali li ssir disponibbli, li tiskatta applikazzjonijiet ġodda mmexxija mid-data, b’mod partikolari fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali.
Miżuri biex tingħata spinta lill-ekonomija tad-data tal-UE
F’dawn l-aħħar snin, kien hemm tkabbir rapidu ta’ apparati konnessi fis-suq Ewropew. L-użu ta’ oġġetti konnessi (jew l-Internet tal-Oġġetti) jiġġenera ammonti dejjem akbar ta’ data. Dan jirrappreżenta potenzjal enormi għall-innovazzjoni u l-kompetittività fl-UE.
Ir-regoli l-ġodda jippermettu lill-utenti ta’ prodotti konnessi jaċċessaw id-data ġġenerata minn dawn l-apparati, u jikkondividu tali data ma’ partijiet terzi. Pereżempju, is-sid ta’ karozza konnessa jew l-operatur ta’ turbina eolika se jkun jista’ jitlob lill-manifattur jikkondividi ċerta data ġġenerata mill-użu ta’ dawn il-prodotti konnessi ma’ servizz ta’ tiswija tal-għażla tas-sid. Dan se jagħti aktar kontroll lill-konsumaturi u lil utenti oħra ta’ prodotti konnessi u se jagħti spinta lis-servizzi tas-suq ta’ wara l-bejgħ u l-innovazzjoni. L-inċentivi għall-manifatturi biex jinvestu fi prodotti u servizzi li jiġġeneraw id-data se jiġu ppreservati, u s-sigrieti kummerċjali tagħhom se jibqgħu protetti.
Il-korpi tas-settur pubbliku se jkunu jistgħu jaċċessaw u jużaw id-data miżmuma mis-settur privat biex jgħinu fir-rispons għal emerġenzi pubbliċi bħal għargħar u nirien fil-foresti, jew meta jimplimentaw mandat legali fejn id-data meħtieġa ma tkunx faċilment disponibbli b’mezzi oħra.
L-att dwar id-Data jipproteġi wkoll lin-negozji Ewropej minn termini kuntrattwali inġusti f’kuntratti ta’ kondiviżjoni tad-data li parti kontraenti waħda timponi unilateralment fuq l-oħra. Dan se jippermetti lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), b’mod partikolari, jipparteċipaw b’mod aktar attiv fis-suq tad-data.
Barra minn hekk, l-Att dwar id-Data se jippermetti lill-klijenti jaqilbu mingħajr xkiel (u eventwalment mingħajr ħlas) bejn fornituri differenti tal-cloud. Dawn il-miżuri se jippromwovu l-kompetizzjoni u l-għażla fis-suq filwaqt li jipprevjenu l-intrappolament tal-klijentela. Pereżempju, kwalunkwe intrapriża Ewropea tista’ tikkombina servizzi tad-data minn fornituri differenti tal-cloud (“multi-cloud”) u tibbenefika mill-opportunitajiet vasti fis-suq tal-cloud tal-UE. Dan se jnaqqas drastikament ukoll il-kostijiet għan-negozji u għall-amministrazzjonijiet meta jċaqilqu d-data u l-applikazzjonijiet tagħhom lil fornitur tal-cloud differenti.
L-att dwar id-Data jinkludi wkoll salvagwardji kontra talbiet illegali minn awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi biex jittrasferixxu jew jaċċessaw data mhux personali miżmuma fl-UE, filwaqt li jiżgura ambjent tal-ipproċessar tad-data aktar affidabbli u sigur.
Fl-aħħar nett, l-Att dwar id-Data jintroduċi miżuri biex jippromwovi l-iżvilupp ta’ standards ta’ interoperabbiltà għall-kondiviżjoni tad-data u għas-servizzi tal-ipproċessar tad-data, f’konformità mal-istrateġija ta’ standardizzazzjoni tal-UE.
Il-passi li jmiss
Wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, l-Att dwar id-Data se jsir applikabbli fi 20-il xahar, jiġifieri t-12 ta’ Settembru 2025.
Kuntest ġenerali
Fit-23 ta’ Frar 2022, il-Kummissjoni pproponiet l-Att Ewropew dwar id-Data biex tiżgura l-ġustizzja fid-dinja diġitali u trawwem l-innovazzjoni. Fit-28 ta’ Ġunju 2023 intlaħaq qbil politiku mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. L-att dwar id-Data huwa pass importantital-istrateġija tad-data tal-Kummissjoni, li hija faċilitatur importanti biex jintlaħqu l-objettivi tad-deċennju Diġitali tal-2030.
L-att dwar id-Data jikkomplementa l-Att dwar il-Governanza tad-Data, li sar applikabbli f’Settembru 2023 u joħloq il-proċessi u l-istrutturi biex jiffaċilita l-kondiviżjoni tad-data mill-kumpaniji, mill-individwi u mis-settur pubbliku. L-att dwar il-Governanza tad-Data se jistabbilixxi wkoll spazji komuni Ewropej tad-data biex aktar data ssir disponibbli għall-użu fl-ekonomija u fis-soċjetà, filwaqt li l-kumpaniji u l-individwi li jiġġeneraw id-data jinżammu taħt kontroll.
Aktar Informazzjoni
Test tal-Ġurnal Uffiċjali tal-UE
Att dwar id-Data — Mistoqsijiet &Tweġibiet
Att dwar id-Data — Skeda informattiva