Il-Kodiċi ta’ Prattika dwar it-Trasparenza tal-kontenut iġġenerat mill-IA ġie ppubblikat f’Ġunju 2026. Il-fornituri u l-implimentaturi jistgħu jiffirmaw bħala mod kif jikkonformaw mal-obbligi għat-trasparenza tal-kontenut iġġenerat mill-IA.
Min hu eliġibbli biex jiffirma l-kodiċi?
Il-fornituri u l-implimentaturi ta’ sistemi ġenerattivi tal-IA soġġetti għall-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 50(2) u/jew fl-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA jistgħu jiffirmaw il-Kodiċi ta’ Prattika dwar it-Trasparenza tal-Kontenut Ġenerat mill-IA. Dan jinkludi:
- Fornituri ta' sistemi ġenerattivi tal-IA li jiżviluppaw, jew li żviluppaw, sistema tal-IA li kapaċi tiġġenera kontenut sintetiku ta' awdjo, immaġni, vidjo jew test. Dan jinkludi iżda mhuwiex limitat għal sistemi tal-IA bi skop ġenerali, u operazzjonijiet eżistenti jew ippjanati biex tali sistemi tal-IA jitqiegħdu fis-suq tal-UE jew jitqiegħdu fis-servizz taħt isimhom jew bit-trademark tagħhom stess, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk mingħajr ħlas.
- L-implimentaturi ta’ sistemi ġenerattivi tal-IA li huma soġġetti għall-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA, b’mod partikolaridawkli jużaw sistemi ġenerattivi tal-IA taħt l-awtorità tagħhom għal skopijiet professjonali u li huma affettwati mill-obbligi li jikkonċernaw id-divulgazzjoni ta’ deepfakes jew test iġġenerat jew immanipulat mill-IA ppubblikat bil-għan li jinforma lill-pubbliku dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku.
Filwaqt li mhijiex marbuta direttament bl-obbligu skont l-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA, it-Taqsima 1 tal-Kodiċi tista’ tiġi ffirmata wkoll minn:
- Fornituri ta’ mudelli ġenerattivi tal-IA, li jiżviluppaw jew li żviluppaw sistema tal-IA li hija kapaċi tiġġenera kontenut sintetiku ta’ awdjo, immaġni, vidjo jew test. Dan jinkludi iżda mhuwiex limitat għal sistemi tal-IA bi skop ġenerali u operazzjonijiet eżistenti jew ippjanati biex tali sistema tal-IA titqiegħed fis-suq tal-UE jew titqiegħed fis-servizz bit-trademark tagħhom stess, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk mingħajr ħlas.
- Fornituri tat-teknoloġija ta’ soluzzjonijiet ta’ mmarkar u detezzjoni, lijiżviluppaw jew li żviluppaw għodod tekniċi, servizzi jew infrastruttura għall-immarkar, il-provenjenza, l-immarkar tal-ilma u/jew id-detezzjoni ta’ kontenut iġġenerat jew immanipulat mill-IA u jqiegħdu tali għodod fis-suq tal-UE, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk mingħajr ħlas.
Il-fornitur jew l-implimentatur kif jiffirma l-kodiċi?
Iddawnlowdja l-formola tal-firma (DOCX),imlaha u ibgħatha sat-22 ta’ Lulju 2026, 18:00 CEST, permezz tal-email: CNECT-AIOFFICE-CODE-OF-PRACTICE-TRANSPARENCY@ec.europa.eu. Tista’ taqra wkoll aktar struzzjonijiet.
X’inhi l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ formola tal-firmatarju?
Biex jiġu inklużi fil-lista ta’ firmatarji inizjali li se tiġi ppubblikata qabel id-data ġenerali tad-dħul fis-seħħ tal-Att dwar l-IA tat-2 ta’ Awwissu 2026, il-firmatarji jridu jissottomettu l-formoli mimlija tagħhom sat-22 ta’ Lulju 2026, 18:00 CEST.
Min għandu jiffirma l-formola tal-firma tal-kodiċi?
Il-formola jenħtieġ li tiġi ffirmata minn eżekuttiv anzjan b'awtorità suffiċjenti biex torbot lill-fornitur jew lill-implimentatur bħala firmatarju tal-Kodiċi ta' Prattika dwar it-Trasparenza tal-kontenut iġġenerat mill-IA.
Jista’ fornitur isir firmatarju għall-kodiċi wara t-22 ta’ Lulju 2026?
Fil-prinċipju, il-fornituri u l-implimentaturi jiffirmaw il-kodiċi fi kwalunkwe ħin, inkluż wara t-22 ta’ Lulju 2026, sempliċiment billi jissottomettu l-formola tal-firma (DOCX)u jissottomettuha permezz tal-posta elettronika lil CNECT-AIOFFICE-CODE-OF-PRACTICE-TRANSPARENCY@ec.europa.eu.
Madankollu, l-Uffiċċju għall-IA jħeġġeġ lill-fornituri u lill-implimentaturi jiffirmaw il-kodiċi sat-22 ta’ Lulju 2026. L-Artikolu 50(2), (4) u (5) tal-Att dwar l-IA jsir applikabbli mit-2 ta’ Awwissu 2026.
Jekk fornitur jew implimentatur ma jiffirmax il-kodiċi, wara t-2 ta’ Awwissu 2026 se jkollhom bżonn juru l-konformità permezz ta’ mezzi oħra. L-adegwatezza tagħhom se tiġi vvalutata mill-awtoritajiet kompetenti tas-sorveljanza tas-suq.
Għaliex huma meħtieġa l-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Bord?
L-Artikolu 50(7) tal-Att dwar l-IA jagħti mandat lill-Uffiċċju għall-IA biex jiffaċilita t-tfassil ta’ kodiċijiet ta’ prattika tal-UE biex jappoġġa l-implimentazzjoni effettiva tal-obbligi rigward id-detezzjoni u t-tikkettar ta’ kontenut iġġenerat jew immanipulat b’mod artifiċjali. Dik id-dispożizzjoni tiddikjara wkoll li l-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tapprova tali kodiċijiet f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 56(6) tal-Att dwar l-IA.
F’konformità mal-Artikolu 56(6) tal-Att dwar l-IA, l-Uffiċċju għall-IA u l-Bord għall-IA għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-kodiċijiet ta’ prattika u jippubblikaw il-valutazzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni tista' tapprova wkoll kodiċi ta' prattika b'att ta' implimentazzjoni, li jagħtiha validità ġenerali fl-UE.
Il-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Bord tal-IA se jistabbilixxu:
- jekk l-aderenza mal-kodiċi tiżgurax b’mod adegwat il-konformità mal-obbligi ta’ trasparenza għall-kontenut iġġenerat mill-IA skont l-Artikolu 50(2), (4) u (5) tal-Att dwar l-IA
- u jekk il-fornituri u l-implimentaturi jistgħux jiddependu fuq il-kodiċi biex juru l-konformità ma’ dawk l-obbligi.
Mingħajr tali valutazzjoni, l-aderenza mal-kodiċi ma jkollhiex l-istess valur legali u superviżorju biex turi l-konformità ma’ dawk l-obbligi. Tali valutazzjoni tippromwovi wkoll iċ-ċertezza legali u tiżgura implimentazzjoni konsistenti u prevedibbli ta’ dawk l-obbligi madwar l-UE. Dan huwa l-każ, irrispettivament mill-post tal-istabbiliment u l-operat tal-fornitur jew l-implimentatur u l-awtorità superviżorja kompetenti.
Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-kodiċijiet ta’ prattika ġiet emendata mill-Omnibus dwar l-IA. Skont dik il-proċedura, valutazzjoni unika tal-adegwatezza b’opinjoni tal-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Bord tal-IA se tipproduċi l-istess effetti legali.
Għaliex jintalbu firem qabel il-valutazzjoni tal-adegwatezza mill-Kummissjoni u mill-Bord tal-IA?
Il-firem huma kundizzjonali fuq valutazzjonijiet pożittivi tal-adegwatezza mill-Kummissjoni u mill-Bord tal-IA, kif indikat fil-Formola tal-Firma.
Organizzazzjoni tista’ tagħżel liema impenji tixtieq tiffirma għalihom?
Il-kodiċi huwa strutturat f’żewġ taqsimiet separati, li jirriflettu l-obbligi ta’ trasparenza rispettivi tal-fornituri u tal-implimentaturi ta’ sistemi ġenerattivi tal-IA skont l-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA. Sezzjonijiet separati tal-kodiċi jistgħu jiġu ffirmati individwalment, filwaqt li impenji individwali ma jistgħux jiġu ffirmati.
Il-firmatarji jistgħu jiffirmaw waħda jew iż-żewġ taqsimiet rilevanti, skont ir-rwol tagħhom u l-obbligi applikabbli għalihom. Kull taqsima tal-kodiċi jenħtieġ li tiġi ffirmata kollha kemm hi, peress li fiha l-impenji kollha li l-fornitur jew l-implimentatur rispettiv jeħtieġ li jikkonforma magħhom.
Il-fornituri ta’ sistemi ġenerattivi tal-IA fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA huma mistiedna jiffirmaw it-taqsima 1 tal-kodiċi. Dan jikkonċerna l-immarkar ta’ kontenut iġġenerat jew immanipulat mill-IA f’format li jinqara mill-magni u mekkaniżmi ta’ detezzjoni relatati.
L-implimentaturi ta’ sistemi ġenerattivi tal-IA fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA huma mistiedna jiffirmaw it-taqsima 2 tal-kodiċi. Dan jirreferi għad-divulgazzjoni u t-tikkettar ta’ deepfakes u ta’ ċertu test iġġenerat jew immanipulat mill-IA ppubblikat bl-għan li jinforma lill-pubbliku dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku.
Organizzazzjoni li taġixxi kemm bħala fornitur kif ukoll bħala implimentatur ta’ sistemi ġenerattivi tal-IA fil-kamp ta’ applikazzjoni hija mistiedna tiffirma l-kodiċi kollu (kemm it-Taqsima 1 kif ukoll it-Taqsima 2).
X’inhuma l-benefiċċji tal-iffirmar tal-kodiċi?
Il-kodiċi fih miżuri prattiċi li l-fornituri u l-implimentaturi jistgħu jiddependu fuqhom biex juru kif jissodisfaw l-obbligi tagħhom relatati mal-immarkar u t-tikkettar tal-kontenut iġġenerat mill-IA.
L-iffirmar tal-kodiċi jagħti lill-organizzazzjonijiet qafas strutturat u rikonoxxut għall-implimentazzjoni effettiva tal-obbligi ta’ trasparenza, li jnaqqas l-inċertezza dwar il-prattiki mistennija.
Il-kodiċi jgħin biex jiġu evitati approċċi frammentati jew inkonsistenti billi jistabbilixxi prattiki komuni għall-immarkar, id-detezzjoni u t-tikkettar ta’ kontenut iġġenerat jew manipulat mill-IA.
Il-firmatarji se jibbenefikaw ukoll minn ċarezza u ċertezza legali akbar madwar l-UE. Soġġett għal valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni u mill-Bord għall-IA, il-firmatarji jistgħu jiddependu fuq il-kodiċi biex juru l-konformità mal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 50(2), (3) u (5) tal-Att dwar l-IA, irrispettivament mill-post tal-istabbiliment u tat-tħaddim tagħhom u mill-awtorità kompetenti tas-sorveljanza tas-suq.
Il-firmatarji li jaderixxu mal-kodiċi – meqjus adegwat mill-Kummissjoni u mill-Bord tal-IA – juru wkoll trasparenza u jiksbu fiduċja pubblika f’konformità mal-obbligi għall-kontenut iġġenerat mill-IA fl-Att dwar l-IA. Dan jgħin biex jitnaqqsu r-riskji ta’ qerq u manipulazzjoni fl-ekosistema tal-informazzjoni.
X’inhuma l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ ffirmar tal-kodiċi? In-nonfirmatarji kif juru l-konformità?
L-iffirmar tal-kodiċi ta’ prattika huwa volontarju. In-nuqqas ta’ ffirmar tiegħu ma jikkostitwixxix nuqqas ta’ konformità mal-Att dwar l-IA.Kwalunkwe konsegwenza ta’ infurzar tkun relatata man-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi fl-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA, mhux in-nuqqas ta’ aderenza mal-kodiċi.
In-nonfirmatarji jibqgħu responsabbli għall-konformità mal-obbligi ta’ trasparenza skont l-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA u jridu jkunu lesti juru l-konformità permezz ta’ mezzi adegwati oħra.
Biex jimmonitorjaw il-konformità tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti x’aktarx se jkunu jeħtieġu informazzjoni aktar dettaljata. In-nonfirmatarji jenħtieġ li jkunu jistgħu jispjegaw u jiddokumentaw kif il-miżuri magħżula tagħhom jiżguraw il-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA.
In-nonfirmatarji jista’ jkollhom iwettqu analiżi tal-lakuni, billi jqabblu l-miżuri tagħhom ma’ dawk stabbiliti fil-kodiċi.
Il-fornituri u l-implimentaturi mhux firmatarji fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(2) u (4) jistgħu jkunu soġġetti għal għadd akbar ta’ talbiet għal informazzjoni jew aċċess mill-awtoritajiet kompetentifir-rigward tal-prattiki tal-immarkar u tat-tikkettar tagħhom skont l-Artikolu 50(2) u (4) tal-Att dwar l-IA, rispettivament.
X’jiġri jekk ikun diffiċli li wieħed jikkonforma mal-Att dwar l-IA minħabba li l-kodiċi jiġi ppubblikat biss ftit qabel Awwissu 2026?
L-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA japplika mit-2 ta’ Awwissu 2026. Minn dik id-data, is-sistemi kollha tal-IA li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni, imqiegħda fis-suq tal-UE jew imqiegħda fis-servizz fl-UE, iridu jikkonformaw, irrispettivament minn meta ġew introdotti għall-ewwel darba fis-suq jew tqiegħdu fis-servizz. Iż-żmien tal-pubblikazzjoni tal-kodiċi ma jbiddilx id-data tal-applikazzjoni stabbilita fl-Att dwar l-IA nnifsu.
Madankollu, għandhom jiġu kkunsidrati żewġ punti:
- Il-propostaOmnibus dwar l-IA maqbula mill-koleġiżlaturi tal-UE, tipprevedi regola mmirata ta’ anterjorità għall-obbligi tal-immarkar u tad-detezzjoni stabbiliti fl-Artikolu 50(2) għas-sistemi ġenerattivi tal-IA introdotti fis-suq jew imqiegħda fis-servizz qabel it-2 ta’ Awwissu 2026. Jekk jiġi adottat, dan jippermetti perjodu tranżitorju għall-fornituri ta’ dawk is-sistemi eżistenti biex iġibuhom f’konformità sat-2 ta’ Diċembru 2026.
- L-outputs iġġenerati jew immanipulati bl-IA, inklużi deep fakes li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(2) u (4) tal-Att dwar l-IA li ġew iġġenerati u diġà saru disponibbli qabel it-2 ta’ Awwissu 2026, ma għandhomx għalfejn jiġu mmarkati jew ittikkettati b’mod retroattiv.
Jista' firmatarju jirtira l-firma tiegħu?
Il-firem jistgħu jiġu rtirati. Madankollu, il-benefiċċji tal-iffirmar u tal-aderenza mal-kodiċi ma jibqgħux japplikaw għall-fornitur u/jew għall-implimentatur. Biex tiġi rtirata firma, hija meħtieġa ittra ffirmata minn eżekuttiv fl-istess livell bħal dak li ffirma l-kodiċi.
Din l-ittra għandha tintbagħat bil-posta elettronika lilCNECT-AIOFFICE-CODE-OF-PRACTICE-TRANSPARENCY@ec.europa.eu, b’kopjalil CNECT-AIOFFICE@ec.europa.eu.
Related content

Dan il-kodiċi ta’ prattika jappoġġa l-konformità mal-obbligi ta’ trasparenza tal-Att dwar l-IA relatati mal-immarkar u t-tikkettar ta’ kontenut iġġenerat mill-IA.