
iStock photo Getty Images plus
L-ewwel tħabbar mill-President von der Leyen fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni f’Settembru 2021, l-Att għandu l-għan li jistabbilixxi regoli komuni dwar iċ-ċibersigurtà għall-prodotti diġitali u s-servizzi assoċjati li jitqiegħdu fis-suq madwar l-Unjoni Ewropea. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika se jikkontribwixxu għall-proposta tal-Kummissjoni għal leġiżlazzjoni li hija mistennija fit-tieni nofs ta’ din is-sena.
Thierry Breton, il-Kummissarju għas-Suq Intern, qal:
Biex niffaċċjaw l-attakki ċibernetiċi diversi u sofistikati tal-lum neħtieġu teknoloġija avvanzata, infrastruttura sigura, u aktar kooperazzjoni operazzjonali, kif ukoll approċċ komuni dwar il-parametri referenzjarji taċ-ċibersigurtà għall-prodotti u s-servizzi. Qed nistennew bil-ħerqa li nirċievu kontribut miċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet interessati kollha biex jgħinuna nfasslu l-Att il-ġdid dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika li se jsir parti ewlenija mill-qafas strateġiku, politiku u leġiżlattiv Ewropew fiċ-ċibersigurtà.
L-att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika se jikkomplementa l-qafas leġiżlattiv eżistenti tal-UE, li jinkludi d-Direttiva dwar is-sigurtà tan-Netwerks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni (id-Direttiva NIS) u l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà, kif ukoll id-Direttiva futura dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni (NIS 2) li l-Kummissjoni pproponiet f’Diċembru 2020. Il-konsultazzjoni pubblika se tkun miftuħa għall-10-il ġimgħa li ġejjin, sal-25 ta’ Mejju 2022. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppubblikat sejħa għal evidenza biex toħloq ħarsa ġenerali lejn il-problemi identifikati bħalissa u l-modi possibbli biex dawn jiġu indirizzati. Is-sejħa għall-evidenza se tkun miftuħa għall-kummenti b’mod parallel mal-konsultazzjoni pubblika, anke għal 10-il ġimgħa.