
Matul il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri kienu qed javvanzaw fl-isforzi tagħhom ta’ diġitalizzazzjoni iżda xorta qed jitħabtu biex jagħlqu d-diskrepanzi fil-ħiliet diġitali, it-trasformazzjoni diġitali tal-SMEs, u l-introduzzjoni ta’ networks 5G avvanzati. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, b’madwar EUR 127 biljun iddedikati għar-riformi u l-investimenti fil-qasam diġitali, toffri opportunità bla preċedent biex titħaffef it-trasformazzjoni diġitali, li l-UE u l-Istati Membri tagħha ma jistgħux jitilfu.
Fi kliem il-Viċi President Eżekuttiv għal Ewropa Lesta għall-Era Diġitali, Margrethe Vestager:
It-tranżizzjoni diġitali qed taċċellera. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri qed jagħmlu progress fil-bini ta’ soċjetajiet u ekonomiji diġitali reżiljenti. Mill-bidu tal-pandemija għamilna sforzi sinifikanti biex nappoġġaw lill-Istati Membri fit-tranżizzjoni. Ikun dan permezz tal-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Baġit tal-UE jew, aktar reċentement anke permezz tad-Djalogu Strutturat dwar l-Edukazzjoni u l-Ħiliet Diġitali. Minħabba li jeħtieġ li nagħmlu l-aħjar użu mill-investimenti u r-riformi meħtieġa biex nilħqu l-miri tad-Deċennju Diġitali fl-2030. Għalhekk il-bidla għandha sseħħ diġà issa.
Il-Kummissarju għas-Suq Intern, Thierry Breton, żied:
Qed nagħmlu progress fl-UE lejn il-miri diġitali tagħna, u rridu nkomplu bl-isforzi tagħna biex l-UE ssir mexxejja globali fit-tellieqa teknoloġika. Id-DESI juri fejn jeħtieġ li nsaħħu aktar il-ħidma tagħna, pereżempju biex tingħata spinta lid-diġitalizzazzjoni tal-industrija tagħna, inklużi l-SMEs. Jeħtieġ li nżidu l-isforzi biex niżguraw li kull SME, negozju u industrija fl-UE jkollhom l-aħjar soluzzjonijiet diġitali disponibbli għalihom u jkollhom aċċess għal infrastruttura ta’ konnettività diġitali ta’ klassi dinjija.