Skip to main content
Shaping Europe’s digital future

Data miftuħa u settijiet tad-data ta’ valur għoli: gwida għall-aċċess pass pass

Skopri kif taċċessa d-data miftuħa, inklużi settijiet tad-data ta’ valur għoli (jiġifieri data li għandha l-potenzjal li tiġġenera benefiċċji soċjetali u ekonomiċi importanti meta terġa’ tintuża).

Il-korpi tas-settur pubbliku jipproduċu, jiġbru u jħallsu għal ammonti kbar ta’ data, magħrufa bħala informazzjoni tas-settur pubbliku jew data tal-gvern. Eżempji jinkludu informazzjoni ġeografika, statistika, data dwar it-temp, data minn proġetti ta’ riċerka ffinanzjati pubblikament u kotba diġitalizzati mil-libreriji. Data pubblika “miftuħa” tirreferi għal informazzjoni tas-settur pubbliku li tista’ tiġi aċċessata u użata mill-ġdid faċilment u b’mod wiesa’, idealment f’kundizzjonijiet mhux restrittivi. 

Biex id-data tkun verament miftuħa, jeħtieġ li tkun akkumpanjata minn liċenzja li tippermetti li d-data tiġi aċċessata, użata u kondiviża għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. 

Id-Direttiva dwar id-Data Miftuħa tistabbilixxi l-qafas legali għad-data miftuħa, abbażi tal-prinċipji ewlenin tat-trasparenza u l-kompetizzjoni ġusta. Barra minn hekk, tintroduċi l-kunċett ta’ settijiet tad-data ta’ valur għoli, definiti bħala data li hija assoċjata ma’ benefiċċji importanti għas-soċjetà u għall-ekonomija meta jerġgħu jintużaw. Il-Kummissjoni adottat Regolament ta’ Implimentazzjoni li jistabbilixxi lista ta’ settijiet tad-data konkreti ta’ valur għoli, fil-limiti tas-sitt kategoriji definiti fid-Direttiva (ġeospazjali, tal-osservazzjoni tad-Dinja u tal-ambjent, meteoroloġiċi, tal-istatistika, tal-kumpaniji u tas-sjieda tal-kumpaniji, u tal-mobbiltà) u l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni tagħhom mill-Istati Membri. Dawn is-settijiet tad-data huma soġġetti għal sett ta’ regoli aktar ambizzjuż (ara “X’inhuma d-drittijiet tiegħi?”) sabiex jitnaqqsu b’mod sinifikanti l-ostakli għad-dħul fis-suq Ewropew xprunat mid-data u jiżdied il-volum ta’ settijiet tad-data użati mill-ġdid. 

Din il-gwida tiddeskrivi l-passi prattiċi għall-kisba ta’ data miftuħa u settijiet tad-data ta’ valur għoli

100%
0
Top

Kif nista’ naċċessa data miftuħa u settijiet tad-data ta’ valur għoli?

Il-portal uffiċjali għad-data Ewropea

L-aktar riżorsa estensiva għall-aċċess għad-data miftuħa hija l-portal uffiċjali għad-data Ewropea (data.europa.eu). Dan il-portal jinkludi aktar minn 1.8 miljun sett ta’ data mill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE, kif ukoll mill-Istati Membri. 

Is-settijiet tad-data jistgħu jiġu identifikati faċilment bl-użu tat-Tfittxija rapida u r-riżultati jistgħu jitniżżlu f’diversi formati. Tfittxijiet aktar avvanzati jistgħu jsiru bl-użu tal-lingwa tal-mistoqsijiet SPARQL. 

Is-settijiet tad-data ta’ valur għoli kienu aċċessibbli fuq paġna ddedikata fil-portal Ewropew tad-data, wara d-dħul fis-seħħ tal-att ta’ Implimentazzjoni dwar settijiet tad-data ta’ valur għoli f’Ġunju 2024.

Il-portal jinkludi wkoll Akkademja,  li fiha minjiera ta’ materjal ta’ taħriġ dwar kif tintuża mill-ġdid id-data miftuħa, kif ukoll diversi dokumenti u rapporti ta’ riċerka, inklużi każijiet ta’ użu kemm mill-pubblikaturi kif ukoll mill-utenti mill-ġdid ta’ data miftuħa minn madwar id-dinja. 

Il-punt sa fejn is-settijiet tad-data jkunu disponibbli permezz tal-portal jiddependi minn kemm ikunu saru disponibbli mill-awtoritajiet pubbliċi. Barra minn hekk, it-traċċabbiltà tagħhom tiddependi fuq il-mod li bih il-metadata tkun ġiet iġġenerata. Għalhekk, jista’ ma jkunx possibbli li tiġi aċċessata d-data miftuħa kollha permezz tal-portal. F’dan il-każ, jekk jogħġbok irreferi għall-pass 2 hawn taħt. Jekk għadek ma tistax taċċessa settijiet tad-data li għandhom ikunu disponibbli bħala data miftuħa, iċċekkja t-taqsima “X’inhuma d-drittijiet tiegħi?”.

Portali nazzjonali u tematiċi tad-data miftuħa

Minbarra l-portal uffiċjali għad-data Ewropea, id-data miftuħa – inklużi settijiet tad-data ta’ valur għoli – tista’ tkun aċċessibbli permezz ta’ portali transsettorjali nazzjonali li ġew stabbiliti ċentralment biex jagħmlu disponibbli d-data mill-awtoritajiet pubbliċi madwar pajjiż, jew permezz ta’ portali nazzjonali speċifiċi għas-settur. Pereżempju, xi Stati Membri ma għamlux id-data tagħhom dwar in-negozji rreġistrati disponibbli fuq data.europa.eu. Madankollu, din id-data tista' tkun disponibbli fir-reġistri kummerċjali nazzjonali, li kollha huma interkonnessi u jistgħu jitfittxu permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika. Eżempji oħra ta’ portali tad-data ffukati b’mod strett jinkludu dawk li fihom data dwar reġjuni jew temi speċifiċi, bħat-trasport, l-ambjent jew is-saħħa. 

Skont id-Direttiva INSPIRE, l-Istati Membri kif ukoll l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera jużaw format maqbul b’mod komuni biex jiġbru firxa wiesgħa ta’ data dwar id-dinja ta’ madwarna, bħal mapep, l-użu tal-art jew in-networks tat-trasport. Il-Geoportal INSPIRE huwa l-punt ta’ aċċess pan-Ewropew għad-data pprovduta permezz tal-ġeoportali nazzjonali. Id-data hija aċċessibbli wkoll permezz ta’ data.europa.eu.

100%
0
Right

X'inhuma d-drittijiet tiegħi?

Meta l-informazzjoni tas-settur pubbliku li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ma tiġix ippubblikata b’mod proattiv bħala data miftuħa, jenħtieġ li xorta ssir disponibbli għall-użu mill-ġdid, f’format elettroniku fejn possibbli, wara talba ppreżentata minn persuna li tuża mill-ġdid. L-awtoritajiet pubbliċi (ħlief l-impriżi pubbliċi, l-istabbilimenti edukattivi, l-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u l-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka) għandhom iwieġbu għat-talba f’limitu ta’ żmien raġonevoli.

Il-korpi tas-settur pubbliku ma għandhom l-ebda obbligu li jipprovdu silta minn dokument jew li jimmodifikaw il-format tal-informazzjoni mitluba meta dan ikun jinvolvi sforz sproporzjonat (f’termini tad-daqs u tal-baġit operattiv tal-korp tas-settur pubbliku), li jmur lil hinn minn sempliċi operazzjoni.

Jekk talba tiġi miċħuda, il-korp tas-settur pubbliku jrid jispjega u jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu abbażi tal-liġi tal-UE jew nazzjonali. Id-deċiżjoni trid tirreferi għall-mezzi ta’ rimedju (inkluża l-possibbiltà ta’ rieżami minn korp ta’ rieżami imparzjali bl-għarfien espert xieraq). Jekk applikant ikun jixtieq jikkontesta d-deċiżjoni (eż. fuq il-bażi li d-data jenħtieġ li ssir disponibbli bħala data miftuħa), l-informazzjoni dwar kif dan għandu jsir fil-prattika jenħtieġ li tiġi pprovduta mill-korp tas-settur pubbliku li mingħandu tkun intalbet id-data. Xi Stati Membri waqqfu korp speċjalizzat għall-fini ta’ lmenti fil-kuntest tal-użu mill-ġdid, iżda dan mhuwiex rekwiżit skont id-Direttiva.

Id-dokumenti għandhom ikunu disponibbli mingħajr ħlas. Madankollu, meta l-korpi tas-settur pubbliku jwettqu tfittxija partikolarment estensiva għall-informazzjoni mitluba jew jinvolvu modifiki għaljin fil-format tal-informazzjoni mitluba, dawn jistgħu jimponu l-ispejjeż marġinali. F’każijiet eċċezzjonali, meta l-awtorità pubblika tkun iffinanzjata b’mod predominanti mid-dħul mid-data, hija tista’ titlob il-kostijiet kollha mġarrba. 

Il-kundizzjonijiet għall-użu mill-ġdid jenħtieġ li jkunu nondiskriminatorji għal kategoriji komparabbli ta' użu mill-ġdid. Dan ma jipprekludix, pereżempju, li l-kost tal-kisba ta’ sett ta’ data għal użu kummerċjali jkun differenti minn dak għal użu mhux kummerċjali. 

Is-settijiet tad-data ta’ valur għoli huma soġġetti għal sett addizzjonali ta’ regoli. Mid-9 ta’ Ġunju 2024, dawn iridu jkunu disponibbli għall-użu mill-ġdid:

  • mingħajr ħlas;

  • skont il-kundizzjonijiet tal-liċenzja Creative Commons BY 4.0 jew kwalunkwe liċenzja miftuħa ekwivalenti jew inqas restrittiva;

  • f’format rikonoxxut miftuħ u li jinqara mill-magni;

  • permezz ta’ interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (APIs) u tniżżil massiv;

  • fil-verżjoni l-aktar aġġornata tagħhom.

L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-metadata assoċjata tidentifika b’mod ċar settijiet tad-data ta’ valur għoli bħala tali, sabiex tagħmilhom traċċabbli. 

100%
0
Top

Kif nista’ naċċessa d-data tas-settur pubbliku li ma tistax issir disponibbli b’mod miftuħ?

Filwaqt li din mhijiex data miftuħa, ir-Reġistru Ewropew għad-Data Protetta miżmum mis-Settur Pubbliku (ERPD) huwa ospitat fuq il-portal uffiċjali għad-data Ewropea. Hawnhekk, tista’ ssib informazzjoni dwar id-data li tinżamm mill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri iżda li ma tistax issir disponibbli skont ir-regoli ġenerali dwar id-data miftuħa (“data protetta”). Il-Kapitolu II tal-Att dwar il-Governanza tad-Data jipprevedi l-użu mill-ġdid ta’ tali data, li tista’ tinkludi data personali jew data kummerċjalment kunfidenzjali, soġġetta għal kundizzjonijiet speċifiċi. Minjiera ta’ għarfien tista’ tiġi estratta minn tali data mingħajr ma tiġi kompromessa n-natura protetta tagħha, u l-Att dwar il-Governanza tad-Data jipprevedi regoli u salvagwardji biex jiġi ffaċilitat tali użu mill-ġdid kull meta jkun legalment possibbli li jsir dan.   

100%
0
Right
Last update

14 Novembru 2024