Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Press release | Pubblikazzjoni

Midja awdjoviżiva: Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex jittrasponu bis-sħiħ ir-regoli tal-UE dwar il-kontenut awdjoviżiv

Din il-ġimgħa, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet opinjoni motivata liċ-Ċekja, lill-Estonja, lill-Irlanda, lil Spanja, lill-Kroazja, lill-Italja, lil Ċipru, lis-Slovenja u lis-Slovakkja talli naqsu milli jipprovdu informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (AVMSD) fil-liġijiet nazzjonali tagħhom. Ir-regoli l-ġodda japplikaw għall-media awdjoviżiva kollha, kemm għax-xandiriet televiżivi tradizzjonali u għas-servizzi on-demand, kif ukoll għall-pjattaformi ta’ video-sharing. Dawn ir-regoli l-ġodda tal-UE għandhom l-għan li joħolqu qafas regolatorju adattat għall-era diġitali, li jwassal għal xenarju awdjoviżiv aktar sikur u aktar diversifikat.

graphic showing a person with a remote control pointing to a tv set showing different windows

iStock photo Getty Images plus

L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva u jikkomunikaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali lill-Kummissjoni sad-19 ta’ Settembru 2020. F’Novembru 2020, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta’ intimazzjoni lil 23 Stat Membru talli ma nnotifikawx traspożizzjoni sħiħa. Il-Kummissjoni issa qed tieħu t-tieni pass fil-proċedura ta’ ksur billi tibgħat opinjoni motivata lid-disa’ Stati Membri msemmija hawn fuq li għadhom ma nnotifikawx it-traspożizzjoni sħiħa. Issa għandhom xahrejn biex iwieġbu lill-Kummissjoni, inkella l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.