Skip to main content
Shaping Europe’s digital future

Il-Jum għal Internet Aktar Sikur jippromwovi użu aktar sikur u responsabbli tat-teknoloġija online mit-tfal u ż-żgħażagħ madwar id-dinja.

A cartoon character, a blue alien with a shield, is giving a thumbs-up. The text around it reads "Safer Internet Day 2025, Tuesday 11 February, Together for a better internet, better-internet-for-kids.europa.eu/saferinternetday, #SID2025, INHOPE, insafe." There's also a QR code and the European Union flag.

Matul is-snin, il-Jum għal Internet Aktar Sikur sar avveniment storiku fil-kalendarju tas-sikurezza online. Din l-inizjattiva tal-Kummissjoni bdiet fl-2004 taħt l-ewwel pjan ta’ azzjoni għal internet aktar sikur, bħala inizjattiva tal-proġett SafeBorders iffinanzjat mill-UE. Imbagħad ġiet adottata minn Insafe, in-network ta’ Ċentri għal Internet Aktar Sikur. Issa, il-Jum għal Internet Aktar Sikur kiber lil hinn miż-żona ġeografika tradizzjonali tiegħu u huwa ċċelebrat f’madwar 190 pajjiż u territorju madwar il-kontinenti kollha, u jilħaq miljuni ta’ nies madwar id-dinja.

Kull sena, il-Jum għal Internet Aktar Sikur jitlob azzjoni mill-ħafna atturi involuti fil-forniment ta’ ambjent diġitali aktar sikur u aħjar għall-utenti żgħażagħ, inklużi:

  • dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livelli tal-UE, nazzjonali u internazzjonali
  • rappreżentanti tal-industrija
  • organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili
  • edukaturi u ġenituri
  • iż-żgħażagħ infushom

L-internet huwa għodda b'saħħitha b'opportunitajiet enormi għat-tagħlim, it-titjib tal-ħiliet u l-kisba ta' abbiltajiet u għarfien ġodda. Madankollu, l-opportunitajiet iġibu magħhom riskji. 

Il-Jum għal Internet Aktar Sikur mhux biss għandu l-għan li jqajjem kuxjenza, iżda wkoll li jieħu passi konkreti biex jipproteġi u jagħti s-setgħa lit-tfal u liż-żgħażagħ online.

Fil-qasam diġitali, il-kollaborazzjoni hija essenzjali għal esperjenza online aħjar, b’mod partikolari għall-utenti żgħażagħ. .

Jum għal Internet Aktar Sikur 2025

Il-Jum għal Internet Aktar Sikur 2025 jiġi ċċelebrat nhar it-Tlieta 11 ta' Frar. Fid-diskors bil-vidjo tagħha, Henna Virkkunen, il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni għas-Sovranità Teknoloġika, is-Sigurtà u d-Demokrazija, stabbiliet il-protezzjoni tal-minorenni online bħala waħda mill-prijoritajiet ta’ din il-Kummissjoni. Hija enfasizzat l-importanza li jingħataw il-ħiliet u l-għarfien biex ikunu sikuri filwaqt li jgawdu l-ħajja online tagħhom. Hija ddeskriviet l-isforzi li għaddejjin biex tinbena dinja online aktar sikura. Dawn jinkludu r-riżorsi fuq il-Portal għal Internet Aħjar għat-Tfal, in-network ta’ Ċentri għal Internet Aktar Sikur , l-implimentazzjoni tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali, u kampanji bħall-AdWiseOnline. Din il-kampanja tgħin lit-tfal li jilagħbu online jirrikonoxxu prattiki manipulattivi ta’ kummerċjalizzazzjoni fil-logħba u toffri materjal ta’ taħriġ u appoġġ għall-ġenituri u l-għalliema. 

Il-Kummissjoni l-ġdida se tistudja wkoll l-impatt tal-midja soċjali fuq is-saħħa mentali u tindirizza kwistjonijiet bħall-bullying ċibernetiku u d-disinn li joħloq dipendenza kif imħabbar mill-President von der Leyen. 
 

Edizzjonijiet preċedenti

Fl-2024, il-Jumgħal Internet Aktar Sikur ġie ċċelebrat eżatt qabel ma daħal fis-seħħ bis-sħiħ l-Att dwar is-Servizzi Diġitali. Biex id-DSA jitqarreb lejn l-utenti, b’mod partikolari t-tfal u ż-żgħażagħ, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ktejjeb favur il-familja li jispjega l-miżuri tad-DSA għall-protezzjoni tal-minorenni online  bil-lingwi kollha tal-UE.

Fl-2023, li kienet ukoll is-Sena Ewropea tal-Ħiliet, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum għal Internet Aktar Sikur saru fis-7 ta’ Frar, bis-slogan familjari “Flimkien għal internet aħjar”. Il-Kummissjoni mmarkat il-jum billi għamlet l-Istrateġija għal Internet Aħjar għat-Tfal adatta għat-tfal disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE u lil hinn minnhom, inkluż l-Ukren. Ippubblikajna wkoll verżjoni adattata għat-tfal tad-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali, flimkien ma’ video game dwar il-prinċipji. Il-Viċi President Šuica u l-Kummissarju Breton it-tnejn irreġistraw messaġġi bil-vidjo li jiċċelebraw l-20 edizzjoni tal-Jum għal Internet Aktar Sikur. 

Għall-Jum għal Internet Aktar Sikur 2022, il-Kummissjoni organizzat avveniment live fuq Twitter Spaces dwar kif l-UE qed tgħin liż-żgħażagħ iħossuhom aktar sikuri online permezz tal-leġiżlazzjoni u s-sensibilizzazzjoni. Ippubblikajna sensiela ta’ filmati b’Ambaxxaturi taż-Żgħażagħ għal Internet Aħjar għat-Tfal (BIK) u panelisti taż-Żgħażagħ minn irkejjen differenti tal-Ewropa li jitkellmu dwar il-prijoritajiet tagħhom online, l-importanza tal-ħiliet diġitali u l-viżjoni tagħhom għal esperjenzi online aħjar fil-futur.

Fl-2021, ġie ppreżentat l-eżitu tal-Wegħda għaż-Żgħażagħ imnedija fuq is-SID 2020, segwit minn diskussjoni madwar mejda dwar it-triq ’il quddiem għal trasformazzjoni diġitali aktar affidabbli.

Għas-SID  2020, il-Kummissjoni Ewropea organizzat sessjoni ta’ ħidma ta’ esperti biex tesplora l-potenzjal tal-intelliġenza artifiċjali fil-ġlieda kontra l-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online u ospitat tnedija tal-Wegħda taż-Żgħażagħ, proċess ta’ kokreazzjoni mmexxi miż-żgħażagħ mas-sħab tal-industrija.

Is-SID 2019 kienet waħda mill-istadji importanti tal-kampanja #SaferInternet4EU, li laħqet aktar minn 30 miljun persuna fl-2018 b’aktar minn 1800 riżorsa ġdida dwar is-sikurezza online, il-litteriżmu medjatiku u l-iġjene ċibernetika.

It-tema tal-2018,  “Oħloq, ikkonnettja u kkondividi r-rispett: Internet aħjar jibda minnek” enfasizzat ir-responsabbiltà u r-rwol ta’ kull utent fl-involviment ma’ oħrajn b’mod rispettuż online. Tnediet il-kampanja #SaferInternet4EU.

Is-slogan tal-2017 , “Kunil-bidla: Ningħaqdu għal internet aħjar”,enfasizza l-importanza tal-kollaborazzjoni u l-għaqda.  Ġiet stabbilita l-Alleanza tal-industrija biex tipproteġi aħjar lill-minorenni online.

Il-Jum għal Internet Aktar Sikur 2016 ħeġġeġ lil kull wieħed u waħda minna biex nagħmlu l-parti tagħna – fi kliem ieħor billi nieħdu r-responsabbiltà f’idejna stess.

Il-Jum għal Internet Aktar Sikur 2015 ippromwova l-approċċ kollaborattiv tal-partijiet ikkonċernati kollha – “Ejjew noħolqu Internet aħjar flimkien”

Aktar informazzjoni

Biex tiskopri riżorsi dwar is-sikurezza online u aktar informazzjoni dwar in-network taċ-Ċentri Ewropej għal Internet Aktar Sikur żur is-sit web Internet Aħjar għat-Tfal.

Biex issir taf x’qed jiġri f’pajjiżek iċċekkja s-sit web tal-Jum għal Internet Aktar Sikur.

L-Aħħar Aħbarijiet

Kontenut Relatat

Ħarsa globali

Il-parteċipazzjoni diġitali, l-għoti tas-setgħa u l-protezzjoni huma bbilanċjati b’mod fin fl-istrateġija Ewropea l-ġdida għal internet aħjar għat-tfal (BIK+).