Il-Kummissjoni kkoordinat din l-azzjoni li hija mmexxija mid-Direttorat Ġenerali Franċiż għall-Kompetizzjoni, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Prevenzjoni tal-Frodi. L-azzjoni bdiet fl-2023, immedjatament wara li Meta kienet talbet lill-konsumaturi mil-lum għall-għada biex jew jabbonaw biex jużaw Facebook u Instagram bi ħlas jew biex jagħtu l-kunsens tagħhom għall-użu minn Meta tad-data personali tagħhom biex jintwerew reklami personalizzati, li jippermettu lil Meta tagħmel dħul minnha (“ħallas jew kunsens”).
L-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur ivvalutaw diversi elementi li jistgħu jikkostitwixxu prattiki qarrieqa jew aggressivi, b’mod partikolari jekk Meta pprovdietx lill-konsumaturi minn qabel b’informazzjoni vera, ċara u suffiċjenti. Huma analizzaw jekk din l-informazzjoni ppermettietx lill-konsumaturi jifhmu l-implikazzjonijiet tad-deċiżjoni tagħhom li jħallsu jew li jaċċettaw l-ipproċessar tad-data personali tagħhom għal skopijiet kummerċjali fuq id-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tas-CPC huma mħassba li ħafna konsumaturi setgħu ġew esposti għal pressjoni żejda biex jagħżlu malajr bejn iż-żewġ mudelli, minħabba l-biża’ li immedjatament jitilfu l-aċċess għall-kontijiet tagħhom u għan-network ta’ kuntatti tagħhom.
Din l-azzjoni koordinata min-network tas-CPC kontra Meta tiżdied ma’ proċeduri oħra tal-UE u nazzjonali li għaddejjin bħalissa relatati mal-istess mudell.
Aqra l-istqarrija għall-istampa sħiħa .
Skopri aktar dwar l-Att dwar is-Swieq Diġitali (DMA) u l-pakkett tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali.