Il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ ksur billi bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-awtoritajiet Rumeni fit-8 ta’ Diċembru 2017 meta l-Kummissjoni kkontestat l-użu tal-maniġġjar kollettiv obbligatorju għall-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet mużikali. Ir-Rumanija emendat il-leġiżlazzjoni tagħha f’Jannar 2019 biex tipprevedi l-ħruġ kollettiv ta’ liċenzji b’effett estiż. Il-Kummissjoni tqis li din l-emenda ma tindirizzax bis-sħiħ il-ksur tad-dritt tal-UE inizjalment identifikat. Barra minn hekk, ir-regoli l-ġodda ma jikkonformawx mal-Artikolu 12 tad-Direttiva (UE) 2019/790, li tarmonizza l-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jipprovdu mekkaniżmi ta’ ħruġ kollettiv ta’ liċenzji b’effett estiż. L-awtoritajiet Rumeni issa għandhom xahrejn biex iwieġbu għall-argumenti li qajmet il-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Aktar informazzjoni dwar ir-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur:
- Direttiva 2001/29/KE) dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni
- Id-Direttiva (UE) 2019/790 dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali