Id-Direttiva “Marrakexx” introduċiet eċċezzjoni għad-drittijiet tal-awtur sabiex iżżid id-disponibbiltà ta’ xogħlijiet miktuba b’formati aċċessibbli għall-benefiċċju tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat. Ir-rapport joħroġ mill-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva, li jirrikjedi li l-Kummissjoni tivvaluta d-disponibbiltà ta’ xogħlijiet f’formati aċċessibbli li huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (eż. stampi, films u kontenut awdjoviżiv ieħor, logħob tal-kompjuter, fonogrammi, skulturi) u, jekk ikun hemm bżonn, tipproponi bidliet biex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva “Marrakexx” kif xieraq.
Biex tħejji d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni mmirata biex tiġbor evidenza mill-partijiet ikkonċernati (ara r-Rapport ta’ Sommarju Fattwali). Barra minn hekk, il-Kummissjoni rċeviet kontribut mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva.
Id-dokument ta’ Ħidma tal-Persunal ġie ppreżentat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
Bħala l-pass li jmiss, kif meħtieġ mill-Artikolu 10 tad-Direttiva, il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni tad-Direttiva “Marrakexx” bil-ħsieb li toħroġ rapport sal-11 ta’ Ottubru 2023. Ir-rapport għandu jqis il-fehmiet tal-atturi rilevanti tas-soċjetà ċivili u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, inklużi l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabilità u dawk li jirrappreżentaw lill-persuni akbar fl-età.