Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Press release | Pubblikazzjoni

Jum Ewropew 112: sensibilizzazzjoni dwar in-numru uniku Ewropew ta’ emerġenza 112

Għada, l-11 ta’ Frar, jimmarka l-Jum Ewropew 112 annwali li huwa ddedikat għas-sensibilizzazzjoni dwar in-numru uniku ta’ emerġenza tal-UE 112 u għar-rikonoxximent tal-ħidma ta’ dawk kollha li jikkontribwixxu għas-servizzi ta’ emerġenza.

photo of a part of an emergency vehicle with 112 and a telephone painted on it

iStock photo Getty images plus

F’każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza, iċ-ċittadini jistgħu jilħqu s-servizzi nazzjonali ta’ emerġenza minn kullimkien fl-UE billi jċemplu l-istess numru — 112.

Thierry Breton, il-Kummissarju għas-Suq Intern, qal:

Kullimkien fl-UE, kulħadd jista’ jilħaq is-servizzi ta’ emerġenza faċilment u malajr permezz ta’ numru wieħed — 112. Bis-saħħa tar-regoli tal-UE, in-numru uniku ta’ emerġenza tal-Ewropa — 112 — se jkun aktar effettiv u effiċjenti meta n-nies jitolbu assistenza f’emerġenza. Għandna l-għan li niżguraw applikazzjoni konsistenti tal-aħħar teknoloġija li tista’ ttejjeb ħafna l-komunikazzjonijiet u tissalvagwardja s-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini.

L-avvanzi fit-teknoloġija qed jippermettu aċċess aħjar u aktar effiċjenti għall-għajnuna f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. F’Diċembru 2022, il-Kummissjoni pproponiet miżuri ġodda biex ittejjeb l-aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza fl-UE kollha. Dan ir-regolamentdelegat jistieden lill-Istati Membri jaġġornaw iċ-ċentri nazzjonali li jwieġbu għas-sejħiet marbutin mas-sikurezza pubblika bl-aħħar żviluppi teknoloġiċi u jtejbu l-informazzjoni dwar il-post mnejn toriġina t-telefonata, l-aċċess għall-utenti finali b’diżabbiltà u r-routing tal-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza lejn l-aktar punti xierqa li jwieġbu għas-sejħiet marbutin mas-sikurezza pubblika. Huwa jappella wkoll lill-Istati Membri biex jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jidentifikaw rekwiżiti komuni ta’ interoperabbiltà għall-apps ta’ komunikazzjoni ta’ emerġenza. Ir-regoli proposti ntbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal perjodu minimu ta’ eżami ta’ 2-il xahar, u wara dan se jidħlu fis-seħħ.

Il-Kummissjoni tkompli tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tan-numru ta’ emerġenza 112 fl-Istati Membri, permezz ta’ rapporti regolari. Skont l-aħħar rapport, fl-2021, is-sejħiet għan-numru uniku Ewropew ta’ emerġenza “112” kienu jirrappreżentaw 56 % tat-telefonati ta’ emerġenza kollha. B’mod ġenerali, is-sejħiet għall-112 żdiedu b’ 3 % għal 153 miljun meta mqabbla mal-2019. Sadanittant, l-għadd totali ta’ telefonati ta’ emerġenza, inkluż lejn in-numri nazzjonali ta’ emerġenza, fejn dawn għadhom jintużaw, baqa’ stabbli għal 270 miljun.

Aktar informazzjoni dwar 112