L-aħjar prattiki se jgħinu lill-operaturi tan-netwerks biex inaqqsu l-ispiża tal-implimentazzjoni tal-broadband tal-gigabits u l-Istati Membri biex jadottaw approċċ effiċjenti biex jiżguraw aċċess f’waqtu u li jiffavorixxi l-investiment għall-ispettru tal-5G għall-operaturi mobbli u utenti oħra tal-ispettru, inkluż għall-applikazzjonijiet industrijali.
Il-konnettività appoġġat liċ-ċittadini, lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet pubbliċi matul il-pandemija, u se tkun pilastru essenzjali tal-irkupru. L-implimentazzjoni rapida tas-Sett ta’ Għodod għall-Konnettività se tippermetti lill-Istati Membri jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni dwar id-Deċennju Diġitali tal-Ewropa li tistabbilixxi l-għan li l-unitajiet domestiċi Ewropej kollha jiġu konnessi mal-veloċitajiet tal-gigabits u li tiġi żgurata kopertura tal-5G għaż-żoni popolati kollha fl-UE kif ukoll għar-rotot ewlenin tat-trasport. Is-sett ta’ Għodod għall-Konnettività se jkompli jaqdi rwol fundamentali hekk kif l-UE tieħu passi lejn id-Deċennju Diġitali.
Thierry Breton, il-Kummissarju għas-Suq Intern, qal:
Fid-Deċennju Diġitali l-Ewropej kollha għandhom jibbenefikaw minn konnessjonijiet rapidi u siguri. Illum irridu nibdew nibdlu din l-ambizzjoni f’realtà. Is-sett ta’ Għodod għall-Konnettività huwa r-riżultat tal-kooperazzjoni u l-impenn tal-Istati Membri biex ineħħu l-ostakli u jagħtu spinta lill-introduzzjoni ta’ networks veloċi ħafna.
Miżuri biex jitnaqqsu l-ispejjeż u titħaffef l-introduzzjoni tan-netwerk
L-implimentazzjoni ta’ networks fissi u mobbli teħtieġ xogħlijiet ċivili għaljin biex jiġu stabbiliti kejbils u elementi tan-netwerk, kif ukoll proċeduri amministrattivi twal u ta’ piż biex jinkisbu l-permessi meħtieġa. Is-sett ta’ Għodod għall-Konnettività fih l-aħjar prattiki biex jitnaqqsu dawn l-ispejjeż, biex jiġi promoss l-aċċess għall-infrastruttura fiżika u biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri tal-għoti tal-permessi biex jitwettqu xogħlijiet ċivili. Bħala parti minn dawn l-isforzi, is-Sett ta’ Għodod għall-Konnettività jappella biex tissaħħaħ id-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar l-infrastruttura fiżika eżistenti, ix-xogħlijiet ċivili ppjanati u l-proċeduri tal-permessi permezz tal-Punti Uniċi ta’ Informazzjoni jew pjattaformi ekwivalenti, kif ukoll biex jiġi promoss it-trattament elettroniku tal-proċeduri kollha ta’ applikazzjoni għall-għoti tal-permessi. Aktar minn hekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jiffaċilitaw l-installazzjoni ta’ elementi tan-network, b’mod partikolari rilevanti għall-5G, billi jagħtu lill-operaturi aċċess akbar għall-infrastruttura pubblika (b’mod simili kif diġà jipprevedi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għal ċelloli żgħar). Barra minn hekk, is-Sett ta’ Għodod għall-Konnettività fih miżuri biex is-soluzzjoni tat-tilwim, bejn l-atturi involuti fil-varar tan-network, issir aktar trasparenti u effiċjenti. Fl-aħħar nett, is-Sett ta’ Għodod għall-Konnettività jħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu inizjattivi biex jillimitaw l-effetti ambjentali negattivi u biex itejbu s-sostenibbiltà tan-networks.
Miżuri li jiżguraw aċċess f’waqtu u favorevoli għall-investiment għall-ispettru tar-radju għall-introduzzjoni tal-5G
Għall-implimentazzjoni tan-network 5G, l-operaturi u l-utenti tal-ispettru għall-applikazzjonijiet industrijali jenħtieġ li jkollhom aċċess f’waqtu għall-ispettru tar-radju armonizzat tal-UE b’kundizzjonijiet favur l-investiment. L-Istati Membri huma responsabbli għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għall-użu tal-ispettru, u jenħtieġ li jiżguraw li l-proċeduri tal-awtorizzazzjoni tal-ispettru jkunu f’waqthom u li jinkoraġġixxu aktar investiment fin-netwerks 5G. F’dan ir-rigward, is-Sett ta’ Għodod għall-Konnettività jiffoka fuq miżuri li jinċentivaw l-użu tal-ispettru u l-introduzzjoni tal-5G. Barra minn hekk, is-Sett ta’ Għodod għall-Konnettività jippromwovi miżuri kkoordinati li jappoġġaw il-konnettività bla fili għall-każijiet ta’ użu industrijali, inkluż b’dimensjoni transfruntiera. Barra minn hekk, is-Sett ta’ Għodod għall-Konnettività jinkludi proposti għall-Istati Membri biex jindirizzaw l-interess pubbliku ġenerali, jiġifieri li jżidu t-trasparenza u l-informazzjoni dwar il-5G u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika.
L-Istati Membri huma impenjati li jibdew jimplimentaw is-Sett ta’ Għodod mill-aktar fis possibbli. Bħala l-pass li jmiss, skont l-iskeda ta’ żmien stabbilita fir-Rakkomandazzjoni dwar il-Konnettività, l-Istati Membri jenħtieġ li jħejju u jikkondividu mal-Kummissjoni sat-30 ta’ April 2021 il-pjanijiet direzzjonali nazzjonali tagħhom biex jimplimentaw is-Sett ta’ Għodod, li jaqblu fil-ħin mal-finalizzazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri.
Sfond
Il-Kummissjoni taħdem kontinwament biex ittejjeb il-konnettività madwar l-UE. L-inizjattiva biex jiġi adottat u implimentat Sett ta’ Għodod għall-Konnettività ġejja mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Sett ta’ Għodod għall-Konnettività ppubblikata f’Settembru 2020. Ir-rakkomandazzjoni tibni fuq id-Direttiva dwar it-Tnaqqis tal-Ispiża tal-Broadband u d-dispożizzjonijiet fil-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi bl-għan li jiġu identifikati miżuri li huma l-aktar effiċjenti biex jippermettu u jħeġġu lill-operaturi jintroduċu networks b’kapaċità għolja ħafna, inklużi l-fibra ottika u l-5G. Il-ħidma bdiet fil-Grupp Speċjali dwar il-Konnettività, li ġabar rapport dwar l-aħjar prattiki identifikati fi tmiem is-sena li għaddiet. B’mod parallel, il-Kummissjoni qed taħdem fuq ir-rieżami tad-Direttiva dwar it-Tnaqqis tal-Ispiża tal-Broadband, li se tkompli tgħin lill-Istati Membri biex jimmiraw l-oqsma t-tajba biex jilħqu l-objettivi tal-Konnettività tal-Gigabits madwar l-UE. Il-Kummissjoni qed tistenna li tagħmel proposta fir-raba’ kwart tal-1 2022.