Skip to main content
Shaping Europe’s digital future

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali jgħin biex l-ambjent online ikun affidabbli u mingħajr perikli.

X’inhu l-Att dwar is-Servizzi Diġitali?

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) jintroduċi regoli għas-servizzi online użati miċ-ċittadini Ewropej f’ħajjithom ta’ kuljum. Dawn is-servizzi jinkludu l-ispazji tal-bejgħ online, in-networks tal-media soċjali, l-app stores, u l-pjattaformi online tal-ivjaġġar u tal-akkomodazzjoni.

Skopri aktar dwar id-drittijiet tiegħek skont id-DSA 

L-għan ewlieni tad-DSA hu li jinħoloq spazju diġitali li jirrispetta d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini u tal-konsumaturi. Billi jistabbilixxi sett ċar ta’ regoli fl-UE, id-DSA jgħin lill-pjattaformi li huma iżgħar, lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u lill-istart-ups biex jespandu fl-Ewropa, u b’hekk jappoġġa l-innovazzjoni, it-tkabbir u l-kompetittività.

Id-DSA hu kkomplementat mill-Att dwar is-Swieq Diġitali (DMA), li jinkludi regoli għall-pjattaformi online bi rwol ta’ gwardjani. Il-gwardjani huma ta’ ostaklu bejn in-negozji u l-konsumaturi għas-servizzi diġitali, u b’hekk jaffettwaw il-kompetizzjoni u l-funzjonament tas-suq intern tal-UE. Uħud minn dawn is-servizzi huma wkoll koperti mid-DSA iżda għal raġunijiet differenti u b’tipi differenti ta’ dispożizzjonijiet.

Skopri aktar kif id- DMA hu ta’ benefiċċju għalik.

Id-DSA x’jipprovdilhom liċ-ċittadini?

Id- DSA jsaħħaħ il-pożizzjoni taċ-ċittadini billi jtejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom online u jagħtihom aktar kontroll u għażliet meta jinnavigaw il-pjattaformi online u l-magni tat-tiftix.

Id-DSA jitlob ukoll li l-pjattaformi jnaqqsu r-riskji li ċ-ċittadini, inkluż it-tfal u ż-żgħażagħ, ikunu esposti għal kontenut illegali u li jagħmel il-ħsara. Permezz tad-DSA, id-drittijiet diġitali tiegħek jinkludu:

  • Trasparenza fit-tneħħija tal-kontenut – Jekk il-kontenut tiegħek jitneħħa jew jiġi sospiż, il-pjattaformi jridu jispjegaw għaliex.
  • Għażliet biex tappella d-deċiżjonijiet ta’ moderazzjoni tal-kontenut – Jekk ma taqbilx mad-deċiżjoni ta’ moderazzjoni tal-kontenut meħuda minn pjattaforma, tista’ tappellaha fil-pjattaforma nnifisha jew permezz ta’ korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti , li hu irħas u aktar rapidu milli tmur il-qorti.
  • Iktar faċli li tissenjala l-kontenut illegali – Tista’ tirrapporta kontenut, oġġetti jew servizzi illegali permezz ta’ mekkaniżmu faċli biex jintuża direttament fuq il-pjattaformi li tkun qed tuża. Il-pjattaformi jridu jwieġbu r-rapporti tagħkom u jagħtukom l-għażliet biex tappellaw id-deċiżjonijiet tagħhom.
  • Protezzjoni msaħħa għall-minorenni – Il-pjattaformi jridu jieħdu miżuri biex jipproteġu lill-minorenni fis-servizzi tagħhom, bħal pereżempju jnaqqsu r-riskji li jkunu esposti għal kontenut mhux xieraq għall-età tagħhom, bħal-logħob tal-azzard jew il-pornografija. Id-DSA jintroduċi wkoll projbizzjoni assoluta fuq ir-reklami mmirati għat-tfal.
  • Għażliet fil-feeds – Fuq il- pjattaformi l-kbar b’aktar minn 45 miljun utent fl-UE, issa tista’ tagħżel feeds mhux personalizzati. B’dan il-mod, tiddeċiedi jekk tarax kontenut ibbażat jew fuq is-suġġerimenti tal-algoritmu, li xi kultant juri kontenut speċifiku li jaf ikun aktar attraenti jew saħansitra joħloq dipendenza, jew fuq kriterji oħra, bħall-ordni kronoloġika.
  • Trasparenza fir-reklamar – Ir-reklami jridu jkunu tikkettati b’mod ċar bħala tali u jinkludu informazzjoni dwar min qed jitfagħhom u għaliex qed tarahom, filwaqt li l-pjattaformi online l-kbar ħafna jridu jaħżnu l-informazzjoni dwar ir-reklami f’depożitorju aċċessibbli għall-pubbliku. Il-pjattaformi ma jistgħux jibqgħu juru reklami bbażati fuq id-data sensittiva tiegħek, bħall-orjentazzjoni sesswali, ir-reliġjon, jew ir-razza.
  • Projbizzjoni fuq id-disinni qarrieqa – It-tattiċi tad-disinni qarrieqa, bħall-pop-ups aggressivi jew buttuni ta’ kunsens li jħawdu lil dak li jkun jew li jqarrqu, issa huma pprojbiti.
  • Bejjiegħa verifikati – L-ispazji tal-bejgħ online jridu jivverifikaw u juru d-dettalji tal-kuntatt tal-bejjiegħa biex ikollok informazzjoni ċara dwar mingħand min qed tixtri l-oġġetti jew is-servizzi.

Id-DSA x’jipprovdilhom lin-negozji?

Id-DSA joffri diversi benefiċċji lill-kumpanija tiegħek:

  • Sett uniku ta’ regoli fl-UE – Is-servizzi online kollha li joperaw fl-Unjoni Ewropea jridu jkunu konformi mad-DSA. Id-DSA jieħu post 27 regolament differenti permezz ta’ qafas uniku, u b’hekk jipprovdilek iċ-ċertezza legali u l-kapaċità li tespandi fl-UE.
  • Approċċ proporzjonat – L-obbligi tad-DSA huma mfasslin skont ir-rwol, id-daqs u l-impatt ta’ kull servizz online fl-ekosistema online. Il-kumpaniji mikro u żgħar għandhom rekwiżiti inqas impenjattivi skont id-daqs tagħhom biex ikunu responsabbli u fl-istess ħin jgħinuhom jespandu. Il-pjattaformi li huma akbar, min-naħa l-oħra, għandhom aktar responsabbiltajiet u għalhekk aktar obbligi.
  • Rapportar simplifikat tal-kontenut illegali – Tista’ tuża mekkaniżmu faċli għall-utent biex tissenjala kontenut u oġġetti illegali li jiksru d-drittijiet tiegħek, inkluż id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Il-kumpanija tiegħek tista’ ssir ukoll “sinjalatur fdat”, li l-avviżi tagħha dwar il-kontenut jew l-oġġetti illegali jingħataw prijorità fil-valutazzjoni tal-pjattaformi.
  • Protezzjoni aħjar kontra deċiżjonijiet inġusti ta’ moderazzjoni tal-kontenut – Il-mekkaniżmi ta’ appell il-ġodda fil-pjattaforma nnifisha jew permezz tal-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti , jgħinuk tipproteġi l-preżenza tiegħek online f’każ li ma taqbilx mad-deċiżjoni ta’ moderazzjoni tal-kontenut minn pjattaforma.
  • Aktar trasparenza fl-ispazji tal-bejgħ online – Obbligi ġodda għall-ispazji tal-bejgħ online, bħar-rekwiżit li tiġi elenkata l-informazzjoni tal-kuntatt ta’ bejjiegħ, iżidu t-trasparenza u l-affidabbiltà fil-kummerċ elettroniku. Għall-istess raġuni, id-DSA jitlob lill-ispazji tal-bejgħ online biex jagħmlu sforzi raġonevoli ħalli jwettqu verifiki għal għarrieda fuq il-prodotti mibjugħa fis-servizz tagħhom jew jadottaw teknoloġiji ġodda għat-traċċabbiltà tal-prodott.

Liema fornituri huma koperti?

Id-DSA japplika għall-kumpaniji kollha b’mod proporzjonali għad-daqs tagħhom. Id-DSA jirrikonoxxi li l- akbar pjattaformi online , jiġifieri dawk b’aktar minn 45 miljun utent fix-xahar fl-UE, għandhom rwol sinifikanti fis-soċjetajiet u d-demokraziji tagħna. Għalhekk iridu jsegwu regoli speċifiċi biex jiżguraw li ma joħolqulniex riskji mhux intenzjonati, bħall-intensifikazzjoni tal-kontenut illegali u t-tfassil tal-opinjonijiet fuq skala kbira, kif ukoll biex inaqqsu l-possibbiltà li atturi malizzjużi jużawhom biex jagħmlu ħsara lill-Ewropa.

B’mod partikolari, dawn il-pjattaformi kbar iridu jidentifikaw u janalizzaw ir-riskji mifruxa. Dawn ir-riskji jinkludu:

  • It-tixrid ta’ kontenut illegali, kif definit fil-liġijiet nazzjonali jew tal-UE
  • It-theddid għal ċerti drittijiet fundamentali, bħal-libertà tal-espressjoni
  • It-theddid għal-libertà u l-pluraliżmu tal-media, għas-sigurtà pubblika u għall-proċessi elettorali
  • Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, is-saħħa pubblika, il-protezzjoni tal-minorenni, u l-benesseri fiżiku u mentali

Ladarba dawn ir-riskji jiġu identifikati, dawk il-pjattaformi li huma akbar iridu jieħdu l-miżuri biex inaqqsuhom. Bl-istess mod, dawn il-pjattaformi jridu jissodisfaw rekwiżiti oħra bħat- titjib fir-trasparenza u r-responsabbiltà . Lista sħiħa ta’ dawn il-pjattaformi hi ppubblikata fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

Liema awtoritajiet jaraw li l-kumpaniji jsegwu l-Att dwar is-Servizzi Diġitali?

Il-Kummissjoni tinforza d-DSA flimkien mal- Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali , li huma l-awtoritajiet nazzjonali li jaraw li l-pjattaformi stabbiliti fit-territorju tagħhom ikunu konformi. Prinċipalment, il-Kummissjoni hi responsabbli mill-monitoraġġ u l-infurzar tal-obbligi addizzjonali li japplikaw għall-akbar pjattaformi u magni tat-tiftix, bħall-miżuri biex jittaffew ir-riskji sistemiċi. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali jissorveljaw u jinfurzaw il-konformità mad-DSA fl-Istati Membri tagħhom.

Jekk tixtieq tressaq ilment dwar ksur tad-DSA, tista’ tikkuntattja lill- Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru tiegħek .

L-Aħħar Aħbarijiet

announcement with portraits of Henna Virkkunen and Glenn Micallef
  • Avveniment
  • 22 Settembru 2026

Il-Viċi President Eżekuttiv Henna Virkkunen u l-Kummissarju Glenn Micallef se jospitaw Djalogu dwar il-Politika taż-Żgħażagħ li se jlaqqa’ flimkien żgħażagħ minn sfondi differenti, kif ukoll kreaturi tal-kontenut, biex jiddiskutu kif nistgħu nipproteġu aħjar liż-żgħażagħ online u niskambjaw fehmiet dwar inizjattivi tal-UE li għaddejjin bħalissa f’dan il-qasam, inkluż il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-bullying ċibernetiku.

Kontenut Relatat

Ħarsa globali

L-UE trid tiżgura li n-negozji u ċ-ċittadini jkunu jistgħu jużaw pjattaformi online u servizzi tal-kummerċ elettroniku irrispettivament minn fejn ikunu fl-UE.

Ħarsa aktar fil-fond