Skip to main content
Shaping Europe’s digital future

Gvern elettroniku u servizzi pubbliċi diġitali

Il-Kummissjoni Ewropea qed tieħu azzjonijiet konkreti biex tiżviluppa servizzi pubbliċi diġitali transfruntiera.

Is-servizzi pubbliċi diġitali effettivi, jew il-Gvern elettroniku, jistgħu jipprovdu varjetà wiesgħa ta’ benefiċċji. Dawn jinkludu aktar effiċjenza u ffrankar għall-gvernijiet u n-negozji, aktar trasparenza, u parteċipazzjoni akbar taċ-ċittadini fil-ħajja politika.

L-ICT diġà tintuża ħafna mill-korpi governattivi, iżda l-gvern elettroniku jinvolvi aktar minn sempliċiment l-għodod: dan jinvolvi li jiġu kkunsidrati mill-ġdid l-organizzazzjonijiet u l-proċessi, u li tinbidel l-imġiba sabiex is-servizzi pubbliċi jitwasslu b’mod aktar effiċjenti lin-nies. Implimentat tajjeb, il-Gvern elettroniku jippermetti liċ-ċittadini, lill-intrapriżi u lill-organizzazzjonijiet iwettqu l-interazzjonijiet tagħhom mal-gvern b’mod aktar faċli, aktar rapidu u bi spiża aktar baxxa.

L-iffrankar potenzjali tal-ispejjeż huwa enormi. Fid-Danimarka, il-fatturazzjoni elettronika tiffranka lill-kontribwenti EUR 150 miljun fis-sena u lin-negozji EUR 50 miljun fis-sena. Jekk jiġi introdott madwar l-UE, l-iffrankar annwali jista’ jaqbeż il-EUR 50 biljun. Sadanittant, fl-Italja, is-sistemi tal-akkwist elettroniku naqqsu aktar minn EUR 3 biljun fi spejjeż.

Is-servizzi pubbliċi diġitali transfruntiera jippermettu lin-nies jiċċaqilqu liberament fl-UE. Kemm jekk tiċċaqlaq għax-xogħol kif ukoll għall-familja, tista’ faċilment tittratta s-servizzi pubbliċi barra minn pajjiżek.

Bħala parti mill-istrateġija tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qed tieħu azzjonijiet konkreti għall-iżvilupp ta’ servizzi pubbliċi diġitali transfruntiera. Dawn jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, il-ħolqien ta’ pjattaformi interoperabbli Ewropej bħal qafas komuni għall-ġestjoni tal-identità elettronika taċ-ċittadini, u t-trawwim tal-innovazzjoni permezz tal-finanzjament ta’ proġetti pilota fuq skala kbira.

Hemm disponibbli linji gwida dwar kif isir użu aħjar mill-istandards miftuħa għas-sistemi tal-ICT tal-awtoritajiet pubbliċi sabiex jiġu evitati d-dipendenzi fuq ċerti fornituri tas-sistemi tal-ICT (lock-in).

L-Aħħar Aħbarijiet

Kontenut Relatat

Ħarsa globali

Il-Kummissjoni qed tuża t-teknoloġiji diġitali biex ittejjeb is-servizzi pubbliċi u tiżviluppa bliet intelliġenti.

Ħarsa aktar fil-fond